Il-militar Iżraeljan beda offensiva ġdida fiċ-ċentru ta’ Gaza – din id-darba kontra t-terroristi tal-Ħamas li qed jokkupaw il-kamp ta’ Bureij għar-refuġjati, flimkien mal-ibnadi ftit ‘il hinn mill-belt ta’ Deir al-Balah. L-ajruplani tal-gwerra u t-truppi, intant, ikkonċentraw l-attakki fuq il-bażijiet u l-infrastruttura tat-terroristi fl-inħawi u li kienu jinkludu wkoll il-faċilitajiet tal-gwerra fil-mini ta’ taħt lart.
Fl-istess ħin, il-grupp karitatevoli Médecins Sans Frontières qed jakkuża lill-Iżraeljani dwar azzjonijiet indiskriminattivi fiz-zona tal-ġlied, fost rapporti li talanqas 70 vittma – fosthom nisa u tfal – u xi 300 midruba twasslu lejn kumpless ta’ sptar f’ Deir al-Balah.
Dan ukoll waqt li l-medjaturi tal-Istati Uniti, l-Eġittu u l-Qatar kienu qed jiltaqgħu f’Doha u l-Kajr biex jiddiskutu kif għandhom jiffinalizzaw ftehim ġdid għal waqfien mill-ġlied f’Gaza flimkien mal-ħelsien tal-ostaġġi Iżraeljani miżmumin mill-Ħamas.
L-Istati Uniti għadha tistenna tweġiba mill-Ħamas dwar proposta li sottomew l-Iżraeljani – bil-Qatar jgħid li wassal dan il-pjan lir-rappreżentanti tal-Ħamas. Fl-istess ħin, il-medjaturi tal-Qatar anki qed jistennew dikjarazzjoni dwar ‘pożizzjoni ċara’min-naħa tal-Gvern Iżraeljan.
//= $special ?>