L-Istati Uniti, ir-Renju Unit u l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fil-preżent qed ifakkru l-anniversarju ta’ D-Day – il-Jum deċiżiv (is-6 ta’ Ġunju tal-1944) meta l-qawwiet tal-pajjiżi Alleati bdew l-invażjoni tan-Normandija biex jilliberaw id-diversi bnadi ta’ Franza u l-Ewropa mill-ħakma brutali tan-Nażisti ta’ Adolf Hitler.
L-hekk-imsejħa ‘Normandy Landings’ kienu tmexxew bl-aktar mod metikoluż u koordinat u kienu l-aktar azzjoni deċiżiva biex it-Tieni Gwerra Dinjija, li kienet ilha mill-1939, iddur bil-mod il-mod favur l-Alleati….Dan sal-punt meta l-Ġermanja Nażista kellha ċċedi, fl-1945, wara li spiċċat litteralment tiddefendi l-ibliet tagħha bit-tfal tal-grupp Hitlerjugend.
Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, il-membri tal-Monarkija u l-Gvern tar-Renju Unit flimkien mal-Mexxejja u distinti l-oħra minn madwar l-Ewropa kollha wasslu messaġġi biex id-dinja tagħraf u taċċetta l-importanza tal-paċi u biex il-pajjiżi jaħdmu u jikkooperaw flimkien għall-ġid ta’ kull membru tas-soċjetà.
Il-messaġġ, fl-istess ħin, enfasizza l-impenn biex qatt aktar ma jkun hawn gwerra fuq dan il-livell anki jekk bħalissa għaddejja l-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja li fil-fatt hi l-ewwel konflitt armat fl-Ewropa mill-1945 ‘il hawn…Huwa wkoll xi ftit ironiku li r-Russja – li darba kienet parti mill-Unjoni Sovjetika antika kif ukoll parti mill-Alleanza li għelbet lil Hitler – ma kenitx mistiedna għal din il-kommemorazzjoni ta’ D-Day.
Ir-Re Karlu tal-Ingilterra, fl-aħħar sigħat, mar f’Portsmouth, flimkien mar-Reġina Camilla u l-Prim Ministru Rishi Sunak fejn, waqt diskors, qal li ‘ħadd ma għandu jinsa l-kuraġġ u s-solidarjetà ta’ daqstant eluf ta’ suldati li taw ħajjithom għal-libertà’. Hu kompla li kull membru tas-soċjetà illum hu obbligat li jiftakar fis-sagrifiċċju ta’ dik il-‘ġenerazzjoni tal-gwerra’ li għenet issawwar Ewropa ħielsa mid-dittatorjati u t-tirannija.
Ħames snin ilu, mal-225 veteran tal-gwerra Britanniċi kienu vjaġġaw lejn in-Normandija għall-avvenimenti biex ifakkru D-Day u meta din is-sena kien hemm biss 23 veteran – ilkoll ‘il fuq minn 90 sena.
Sadanittant, f’Portsmouth, fl-aħħar sigħat, spikkat il-wirja tal-ajruplani tar-Red Arrows filwaqt li, fi Franza, sar servizz ta’ tifkira solenni għall-mejtin tal-gwerra fiċ-Ċimiteru tal-Gwerra ta’ Bayeux, fin-Normandija …Preżenti għas-servizz kien hemm il-Prinċipessa Anne tal-Ingilterra u l-veterani ta’ D-Day.
Saru wkoll ċerimonji oħra fin-Normandija u proprju fl-artijiet tal-kosta fejn it-truppi tal-Alleati kienu niżlu 80 sena ilu – b’servizz speċjali jseħħ fil-belt ta’ Sainte-Marie-du-Mont li kienet l-ewwel belt li t-truppi Amerikani liberaw min-Nażisti.
Min-naħa tiegħu, il-President Biden, fil-preżent, għaddej bi żjara ta’ ħamest ijiem fi Franza bħala parti minn din il-kommemorazzjoni u fejn fost oħrajn kellu programmati laqgħat mal-President Franċiż, Emmanuel Macron kif ukoll mal-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky.
//= $special ?>