Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said baqgħet tirrifjuta li twieġeb kemm eżatt ingħataw fondi lis-sajjieda biex dawn jagħmlu rinovazzjoni u tibdil fil-magni tal-bastimenti tagħhom. Dan għaliex fir-realtà ma kien hemm l-ebda fondi allokati għat-trawlers – u l-ftit flus li ħarġu marru għal min għandu luzzu żgħir.
Net News tkellem ma’ persuni li xtaqu jibqgħu annonimi li spjegaw kif il-fondi qed imorru għar-rinovar tad-dgħajjes tal-injam, fothom il-luzzu. Però, l-ebda fond mhu qed jiġi allokat għall-bastimenti l-kbar li bihom is-sajjieda joħorġu jistadu – trawlers kbar li naturalment jirrikjedu ħafna flus.
Għaldaqstant, il-ġurnalisti ta’ dan l-istazzjon staqsew lis-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said kemm flus qed imorru għar-rinovar u t-tibdil tal-magni tal-bastimenti l-kbar, bis-Segretarju tgħidilna li dawn il-fondi Ewropej se jkunu qed jiġu mnedija dalwaqt.
Meta staqsejnieha mil-ġdid, qaltilna biss kemm ingħataw flus għad-dgħajjes tal-injam.
Il-persuni li tkellmu ma’ Net News baqgħu jgħidulna li ma jistgħux jifhmu kif dawk is-sajjieda li joħorġu bil-bastiment biex jaqilgħu l-għixien ta’ kuljum u fuq kollox jipprovadulna l-ħut frisk, mhux qed jingħataw dawn il-fondi tant meħtiega.
Barra minn hekk, numru ta’ sajjieda ikkummentaw ukoll fuq il-midja soċjali fejn semmew li huwa importanti ħafna li ssir distinzjoni bejn min huma l-vera sajjieda li jadmu full-time u li dħul tagħhom huwa biss mis-sajd.
//= $special ?>