Internazzjonali

L-Ewropa: L-għargħar attwali u straordinarji huma parti mill-fenomenu tal-klima

Is-sitwazzjoni tal-għargħar f’numru ta’ pajjiżi Ewropej fl-aħħar sigħat kienet imfissra bħala ‘kritika u imprevedibbli’ – bil-Ġermanja, l-Awstrija u l-Ungerija lkoll qed jieħdu l-prekawzjonijiet biex jevitaw il-vittmi qalb iz-zoni residenzjali viċin ix-Xmara Danubju….Dan ukoll wara li, fl-aħħar jiem, mietu talanqas seba’ persuni f’diversi artijiet mgħarrqin fil-Ġermanja.

L-għargħar – ir-riżultat ta’ jiem konsekuttivi ta’ xita – matul il-ġimgħa kompla javvanza mill-Ġermanja għall-ibnadi tal-Awstrija u l-Ungerija u meta fl-aħħar sigħat kienu mistennija l-evakwazzjonijiet tar-residenti miz-zoni l-aktar baxxi fil-periferiji tad-Danubju.

Intant, l-għargħar anki qed jitqies bħala fenomenu ġdid għal dawn iż-żmenijiet – bil-Kanċillier tal-Ġermanja, Olaf Scholz, jirreferi għal suċċessjoni ta’ inċidenzi tal-għargħar li qatt ma rajna bħalhom (fl-Ewropa) fil-bidu tas-sajf.

U l-messaġġ ta’ Scholz u l-mexxejja l-oħra tal-Istati Ewropej hu li l-Ewropa, l-istess bħall-kumplament tad-dinja, ma tistax tinjora l-impenji lejn it-trażżin tal-effetti relatati mal-bidliet fil-klima u l-global warming.

Ir- reġjuni fil-Ġermanja li ġarrbu l-akbar impatt mill-għargħar mid-Danubju huma l- Bavaria u Baden-Württemberg – bil-gliegel tal-ilma jinfirxu, fl-aħħar jiem, lejn l-ibliet tal-Awstrija u l-Ungerija.

Is-sitwazzjoni, fl-istess ħin, qed tikkaġuna problemi kbar għat-trasport tal-art u s-servizzi bil-ferrovija f’dawn it-tlett pajjiżi u fost it-twissijiet li l-livelli tal-ilma kapaċi jitilgħu aktar – speċjalment qalb it-territorji l-aktar baxxi.

Dan waqt li l-awtoritajiet qed iwissu b’mod partikulari dwar l-ivvjaġġar fit-tul bil-karozzi privati minħabba l-periklu dirett għaz-zoni li (sal-bieraħ) dehru qrib li jinfaqgħu bil-gliegel tal-ilma minn ħin għall-ieħor.