Elezzjonijiet 2024 Lokali

Partit Nazzjonalista fl-Ewropa jkompli jiġġieled għall-ġustizzja

L-MEP u l-kandidat tal-Partit Nazzjonalista David Casa fetaħ id-diskors billi fakkar ix-xogħol kbir li ż-żewġ MEPs tal-PN għamlu fil-Parlament Ewropew għal pajjiżna, kif ukoll irringrazja lil kull min tah il-fiduċja f’dawn l-aħħar ħames snin.

David Casa enfasizza li bħalma wiegħed, huwa ħadem bla waqfien fuq il-qasam soċjali, li huwa qasam fil-qalb tal-PN, u dejjem kien fiċ-ċentru tal-politika Nazzjonalista, fejn saħansitra f’dawn l-aħħar ħames snin ġabu l-fondi għall-anzjani, familji, ġenituri u trabi.

Casa fakkar li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien fuq in-naħa tas-sewwa, anke fil-ġlieda tal-abort, il-PN kien favur il-ħajja, filwaqt li l-MEPs tal-Partit Laburista kollha kellhom fehma differenti, fejn saħansitra kien hemm min ivvota favur l-abort, kontra jew anke ħarab lejn Malta waqt id-diskussjonijiet.

Huwa kompla jgħid li l-PN dejjem kellu idea ċara ta’ dak li jrid, u mhux ibiddel skont kif jaqbel għall-voti.

L-MEP David Casa tkellem ukoll fuq l-Inkjesta tas-serq tal-power station li ngħalqet ftit jiem ilu, u kif huwa dejjem offra li jikkontribwixxi kif jista’ fil-proċess ġudizzjarju biex isir bl-iktar mod serju.

David Casa kkonkluda billi rringrazzja lill-ġudikaturi kollha tax-xogħol kbir li għamlu matul dawn is-snin jipprovaw jikxfu l-verità fuq min ipprova jisraq lil pajjiżna, u ħeġġeġ lill-votanti kollha biex jivvotaw lil kandidati kollha tal-PN jekk iridu li ssir ġustizzja fuq il-kriminali li serquna.