Lokali Qorti

Proċeduri kontra Ali Assad Shaukat jibdew illum fil-Qorti b’rabta mat-tixħim tal-isptarijiet

Wara akkużi ta’ korruzzjoni, ħasil ta’ flus, tixħim u tressiq fil-Qorti tal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-Eks Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, l-Eks Ministri Konrad Mizzi, Chris Feane, Edward Scicluna u diversi individwi oħra, illum se jibdew il-proċeduri fil-Qorti kontra l-Libjan Ali Assad Shaukat b’rabta ma’ dan kollu.  

Fost oħrajn, għand jkun qed jiġi mixli b’korruzzjoni b’rabta mad-deal tal-isptarijiet fost akkużi li jgħidu li kkorrompa diversi politiċi tal-Gvern Maltin. Huwa se jkun qed jiġi akkużat quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana flimkien mal-kumpaniji Eurasia Limited, Incorp Sarl u Ste Health Co.

Missier Ali Asad – Shaukat Ali u ħuh Wajid, kif ukoll in-nisa tagħhom, allegatament kollha rċevew pagamenti minn kumpaniji marbuta mal-ftehim tal-isptarijiet. Allegatament bejn l-2017 u l-2020, Steward Healthcare ħallset ‘il fuq minn €1.2 miljun lil kumpanija Maltija proprjetà ta’ Assad, bil-ħlasijiet kienu mmarkati bħala għall-provvisti mediċi u tagħmir tal-kompjuter.

Dawn il-ħlasijiet kienu jiffurmaw il-biċċa l-kbira tad-dħul li kisbet il-kumpanija Eurasia ta’ Asad matul l-aħħar ftit snin. Barra minn hekk, l-Eurasia naqset mill-obbligi legali tagħha li tippreżenta kontijiet tal-awditjar għal dawn l-aħħar seba’ snin.

Hemm ukoll akkużi pendenti kontra Sri Ram Tumuluri, missier Ali Assad Shaukat u Abbas Saba Binte, kif ukoll kontra 15-il kumpanija b’kollox. L-akkużi fost oħrajn jgħidu li dawn l-individwi kkorrompew lil Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri. Sri Ram Tumuluri kien wieħed minn dawk involuti fil-kuntratt korrott tal-VGH, kuntratt ta’ €2 biljun. Huma qed jiġu akkużati wkoll bi frodi, ħasil ta’ flus u korruzzjoni.

Kien fis-27 ta’ Marzu tal-2015 li l-Gvern Malti, permezz ta’ Projects Malta Ltd, taħt ir-responsabbiltà politika tal-Ministru Konrad Mizzi, ħareġ Request for Proposals għal ‘Service Concession for the Redevelopment, Maintenance, Management and Operation of the Sites at St Luke’s Hospital, Karin Grech Rehabilitation Hospital and Gozo General Hospital’.

Kien ħareġ ukoll li Tumuluri, Eks Kap Eżekuttiv ta’ Causis Group ibbażat fir-Renju Unit, għamlet diversi ħlasijiet mhux iddikjarati lil uffiċjal għoli Malti. Il-ħlasijiet huma marbuta ma’ ftehim tal-2015 meta d-ditta ta’ Sri Ram Tumuluri, Vitals Global Healthcare (VGH), rebħet tender ta’ privatizzazzjoni biex tmexxi tliet sptarijiet f’Malta, minkejja li ma kellha l-ebda esperjenza rilevanti. L-isptarijiet huma San Luqa, Karin Grech u dak ta’ Għawdex.

Ali Shaukat kien wieħed mill-azzjonisti ta’ Vitals li ffirma memorandum sigriet ta’ ftehim mal-gvern, li aġixxa bħala prekursur għall-kuntratt tal-isptarijiet. L-akkużi jduru madwar ftehim għall-privatizzazzjoni ta’ tliet sptarijiet tal-istat li kien innegozjat u mmexxi mill-Gvern ta’ Muscat. Dak il-ftehim ġie annullat minn Qorti s-sena l-oħra.