Elezzjonijiet 2024 Lokali

“Vot ta’ fiduċja fil-PN ifisser ħidma b’saħħa għalik” – Bernard Grech

Vot ta’ fiduċja fil-Partit Nazzjonalista nhar is-Sibt li ġej ikun jissarraf f’ħidma akbar għalik; vot b’saħħtu għal futur tiegħek u ta’ wliedek.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt id-dibattitu tal-Awtorità tax-Xandir mal-Mexxej tal-Labour Robert Abela, l-Erbgħa filgħaxija, hekk kif insista li l-Partit Nazzjonalista għandu proposti għal kull lokalità fejn qed jindirizza l-ambjent, it-traffiku, is-sigurtà, l-iskart u l-popolazzjoni.

Bernard Grech saħaq li għall-poplu Malti u Għawdxi l-Partit Nazzjonalista ġab lura l-isptarijiet u daħal il-Qorti biex issa jġib lura l-€400 miljun li nsterqu fl-akbar frodi fl-istorja ta’ pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li dawn il-miljuni kollha jissarrfu prattikament fi 80 ġabra tal-istrina – iżda Abela minflok qed jara kif se jġib lura flus il-poplu aktar moħħu biex iwerwer lill-familji.

Kif effettivament seħħ hekk kif Robert Abela ssokta bin-narrattiva negattiva; u minkejja l-proposti tal-Partit Nazzjonalista kompla jattakka u jbeżża’.

Mistoqsi dwar l-affarijiet barranin, Bernard Grech insista li l-Partit Nazzjonalista jrid biss il-paċi għal pajjiżna u stqarr li dak li Robert Abela qed jisħaq li l-Partit Nazzjonalista ffirma għalih… iffirmah ukoll il-Prim Ministru stess.

Hawn, il-Mexxej tal-Labour għażel li jkompli jattakka – din id-darba lil Roberta Metsola.

Intant, Bernard Grech insista li l-Partit Nazzjonalista jrid biss il-ġid għall-familji Maltin u Għawdxin, f’ambjent aħjar u mhux bi drenaġġ mormi u mhux trattat bħalma ġara fl-aħħar ġimgħat f’numru ta’ bajjiet.

Bernard Grech saħaq ukoll li minkejja l-wiegħda tal-Labour li se jelimina t-traffiku… il-poplu fit-traffiku kien u fit-traffiku baqa’.

Bernard Grech insista li l-Gvern ta’ Robert Abela ma ħoloqx settur ekonomiku ġdid u minflok qed ikompli jaħdem b’nuqqas ta’ ppjanar u viżjoni.

Huwa insista dwar il-bżonn li Abela jieqaf jintaxxa l-għajnuna tal-COLA.

Finalment il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li hu flimkien mad-Deputati tiegħu jrid li ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin ikollhom l-ambjent bħala dritt fundamentali… u insista li dan qiegħed isir b’ħidma mill-oppożizzjoni aħseb u ara x’jista jsir mill-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali.