Lokali Qorti

Żewġ nisa mmultati €3,500 wara li ġibdu filmat ta’ mara għarwiena fi Sqallija

Żewġ nisa ġew immultati €3,500 kull wieħed wara li nstabu ħatja mill-Maġistrat Kevan Azzopardi, li xerrdu filmat ta’ mara għarwiena miġbud waqt btala fl-Italja. Jacqueline Camilleri minn Ħal Qormi u Yolanda Attard minn San Ġwann, instabu ħatja li fit-23 ta’ Frar 2020, u fil-ġranet ta’ qabel, bl-intenzjoni li jdejqu lill-vittma ġibdu jew żvelaw ritratti nkella filmat sesswali mingħajr il-kunsens tagħha kif ukoll li użaw apparat ta’ komunikazzjoni b’mod mhux xieraq.

Il-Pulizija bdiet tinvestiga l-każ wara li fl-imsemmi jum marru jirrappurtaw l-għassa tan-Naxxar żewġ persuni li qalu li rċevew fuq Facebook Messenger filmat mibgħut minn kuġinuhom li fih ommhom tidher b’mod indiċenti.

Il-Pulizija kellmet lill-mara li qaltilhom kif jumejn qabel kienet siefret ma’ xi ħbieb Sqallija, u waqt li kienu fl–appartament bdew jiċċajtaw flimkien fuq id-dehra tagħhom u hi spiċċat neżgħet quddiemhom. Peress li dak il-ħin kienet ma’ Camilleri, il-Pulzija bagħtet għalija u marret l-għassa ma’ Attard fejn Camilleri ammettiet li rrekordjat il-filmat u li bagħtitu lil Attard li min-naħa tagħha bagħtitu lis-sieħeb tagħha u lil oħtha.

Meta s-sieħeb u oħt Attard ġew mitkellma mill-Pulizija, ammettew li rċevew il-filmat imma sostnew li ma bagħtuh lil ħadd u li ħassruh. Il-Maġistrat Azzopardi ma sabx liż-żewġ akkużati ħatja li bl-intenzjoni li jdejqu lill-vittma ħadu jew żvelaw ritratti jew film sesswali mingħajr il-kunsens tagħha għax qal li ma ġiex ippruvat li riedu jdejquha.

Hu sabhom ħatja li bit-tixrid tal-filmat fuq il-mezzi soċjali kienu użaw mezz ta’ komunikazzjoni b’mod ħażin u kkundannahom multa ta’ €3,500 kull waħda.