Il-Prim Ministru Robert Abela ċaħad għal darba, tnejn, tlieta li mhux qiegħed jintrema drenaġġ fil-baħar.
Dan minkejja li għal dawn l-aħħar xhur fost oħrajn ir-residenti tal-lokalità tax-Xgħajra kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ baħar imdennes allegatament bi żbokk ta’ drenaġġ mhux trattat mill-impjant ta’ drenaġġ Ta’ Barkat kawża tal-fatt li mhux qiegħed ilaħħaq mal-influss taż-żieda fil-popolazzjoni.
Ritratti jixhdu dan, bl-ilma baħar maħmuġ u wieħed jista’ biss jimmaġina jekk fil-verità ma jesperjenzax l-irwejjaħ orribbli li jaħkmu z-zona.
Matul id-dibattitu tal-Awtorità tax-Xandir, Bernard Grech insista li l-Partit Nazzjonalista jrid biss il-ġid għall-familji Maltin u Għawdxin f’ambjent aħjar u mhux bi drenaġġ mormi u mhux trattat… bħalma effittivament seħħ f’numru ta’ bajjiet.
Madanakollu, b’mod mill-aktar sfaċċat, Robert Abela ċaħad dan u insista li mhux vera li qal Bernard Grech, “Niċħada b’mod kategoriku!”
Persuni li avviċinaw lil Net News ftit wara li Abela lissen dawn il-kliem fuq ix-Xandir tal-Istat, saħqu li l-Prim Ministru ma jafx x’inhu jgħid hekk kif tul dawn l-aħħar xhur kellhom jgħaddu minn martirju bi twieqi magħluqin jew saħansitra jevitaw għalkollox il-kosta – bħax-Xgħajra, il-Mellieħa jew il-bajja tal-Balluta.

Fost oħrajn il-kandidat għall-Parlament Ewropew Peter Agius stqarr li ilu snin iwettaq pressjoni fuq il-Gvern tal-Labour hekk kif kontinwament qiegħed jikser l-istandards Ambjentali Ewropej. Agius talab lill-Awditur Ġenerali sabiex jinvestiga kif intefqu xejn inqas minn €70 miljun minn fondi Ewropej hekk kif huwa ċar li l-impjanti tad-drenaġġ mhux qed ikunu effiċjenti jew wisq inqas ilaħqu mad-domanda.
Huwa spjega li l-Gvern saħansitra qal lill-Kummissjoni Ewropea li qed jippjana tliet xhur oħra bid-drenaġġ fil-Baħar.
Intant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech temm jgħid li jeħtieġ pjan fit-tul, pjan sabiex nissalvagwardjaw l-ambjent tal-poplu Malti u Għawdxi u insista sabiex verament l-ambjent għall-Maltin ikun dritt fundamentali.
