Raġel ġie kkundannat erba’ snin ħabs wara li nstab ħati li wettaq atti sesswali man-neputija. Ir-raġel instab ħati li wettaq l-atti sesswali fit-8 ta’ Awwissu tal-2019, u fil-ġimgħat u xhur ta’ qabel. Kienet it-tifla li waqt vaganza kixfet ma’ missierha dak li wettaq magħha nannuha.
Huwa nstab ħati li kkommetta attentat vjolenti għall-pudur tat-tifla fdata lilu sabiex jieħu ħsiebha, jedukaha, jgħallimha, jindukraha jew iżommha. Hi kienet qalet lil missierha li nannuha kien joqgħod imiss il-parti privata tiegħu ma’ tagħha.
Skont it-tif,la dan seħħ madwar 10 darbiet fid-dar tan-nannu. It-tifla kellha bejn erba’ u ħames snin meta seħħ l-abbuż. Ir-raġel ċaħad li abbuża lin-neputija u sostna li darba kien qed jinħasel u hi daħlet u qabditlu l-parti privata.
Fil-Qorti, il-minuri qalet li kienet marret barra minn Malta bil-vapur flimkien mal-kuġini tagħha u maz-zijiet u n-nanniet. Qalet li f’din il-vaganza qagħdet fil-kamra mal-ġenituri tagħha u ħuha. Lil missierha hemmhekk qaltlu li kellha sigriet li kien in-nannu tagħha. Hawn spjegatlu l-avvanzi tiegħu iżda hija kienet tgħidlu le.
Fuq domanda inkontroeżami jekk qattx daħlet fuq in-nannu tagħha meta hu kien ikun qed jinħasel u
tmisslu l-parti tiegħu, hi innegat li qatt ġara hekk. Qalet li kien hu li kemm-il darba mess il-parti privata tagħha u dan meta kienu jkunu weħidhom bin-nanna tkun fil-garaxx jew xi mkien ieħor u l-mamà u l-papà tagħha kienu jkunu x-xogħol.
Fost ix-xhieda kien hemm għalliema fl-iskola ta’ fejn kienet tiffrekwenta t-tifla, li qalet li fil-Year 1 din
it-tifla kienet tibki ħafna aktar minn normal tant li wara li kienet tissaportiha ħafna, kienet tibgħat għal ommha. Tgħid ukoll li l-ħaġa stramba kienet li t-tifla kienet tibki wkoll fis-summer school, xi ħaħa li kienet insolita ħafna.
Huwa ammetta li ġieli kien jaqbad il-parti privata tan-neputija imma insista li biex jiċċajta ħalli jaraha tidħak. Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ma emmnitx il-verżjoni tiegħu imma dik tat-tifla. Meta ġiet biex tagħti l-piena hija qalet li għalkemm għandu età konsiderevoli kkunsidrat ukoll li huwa ttradixxa d-dover lejn in-neputija.
Għaldaqstant ikkundannatu erba’ snin ħabs u ordnatlu jsegwi ordni ta’ trattament għal sentejn bil-Maġistrat Stafrace Zammit tordna wkoll li isem ir-raġel jitniżżel fir-reġistru ta’ dawk li jabbużaw mit-tfal. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joseph Busuttil.
//= $special ?>