Il-Kummissjoni Elettorali tfakkar li l-votanti li għadhom ma ġabrux id-dokumenti għall-vot relatat mal-elezzjonijiet tas-Sibt li ġej, li jistgħu jiġbruhom personalment sal-lum biss il-Ħamis 6 ta’ Ġunju mit-8am sas-1pm u mit-3pm sa nofsillejl mill-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali.
Għall-votanti rreġistrati fuq Malta, il-voti jridu jinġabru mill-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar; u għall-votanti rreġistrati fuq Għawdex, mill-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità, fi Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex.
Kull votant għandu jattendi personalment bil-karta tal-identità jew tar-residenza tiegħu.
Mingħajr id-dokument/i għall-votazzjoni ħadd ma jkun jista’ jivvota nhar jum il-votazzjoni.
Il-Kummissjoni Elettorali tfakkar lill-pubbliku li l-ħinijiet tal-votazzjoni nhar is-Sibt, 8 ta’ Ġunju, 2024, ser ikunu bejn is-7am u l-10pm bla waqfien. Kulħadd għandu jara li jmur fl-indirizz tal-post tal-votazzjoni li hemm miktub fuq id-dokument tal-vot tiegħu.
Fil-kamra tal-votazzjoni jiddaħħlu għaxar votanti li ma għandhomx bżonn għajnuna għal kull votant li jkollu bżonn għajnuna tal-Assistenti Kummissjonarji Elettorali biex jivvota.
Il-Kummissjoni Elettorali tgħarraf ukoll li kull persuna li tostakola jew iżżomm l-aċċess ħieles ta’ votant milli jivvota, ikun ħati ta’ reat skont il-liġi.
//= $special ?>