Stewart Said
SLIEMA FRANK SALT……….. 7
SAN ĠILJAN JP PROJECTS… 9
(3-2), (3-1), (0-3), (1-3)
Reazzjoni b’saħħitha fit-tieni parti tal-logħba kienet biżżejjed biex San Ġiljan JP Projects rebħu l-ewwel edizzjoni tal-iSportMalta Cup. Il-prestazzjoni ta’ San Ġiljan ma kinitx fenomenali iżda l-wirja tagħhom fit-tielet u r-raba’ sessjoni flimkien ma’ kollass fil-prestazzjoni ta’ Sliema, wasslu biex San Ġiljan kisbu unur ieħor. Il-Ġiljaniżi kellhom lil Darren Zammit nieqes. Minkejja li sfaw megħluba, wieħed ma jistax iħalli barra l-wirja tal-gowlkiper ta’ Sliema Nicky Grixti li kien l-aqwa plejer tal-logħba.
Hu spikka fl-ewwel sessjoni b’numru ta’ interventi. Sliema qatt ma kienu minn taħt tul is-sessjoni b’Jeremy Abela u Ben Plumpton wieġbu għall-gowls ta’ Liam Galea u Jayden Cutajar minn man-up, bl-eks Dino Zammit poġġiehom minn fuq għat-tielet darba b’konklużjoni fil-baxx lejn tmiem is-sessjoni.
Il-logħob baqa’ bilanċjat fit-tieni sessjoni iżda Sliema rnexxielhom jibnu vantaġġ tajjeb ta’ 6-3 f’żewġ gowls li setgħu jiġu evitati faċilment mid-difiża Ġiljaniża. Iż-żewġ gowls konsekuttivi waslu minn Jayden Cutajar minn man-up u Dino Zammit għal darba oħra lejn tmiem is-sessjoni.
Kienet mistennija reazzjoni minn San Ġiljan bi żvantaġġ ta’ tliet gowls u r-reazzjoni waslet hekk kif inbidel l-andament tal-logħba. Huma żiedu fil-logħob tagħhom b’Sliema naqqsu l-effiċjenza quddiem il-lasta. Jeremy Abela skorja doppjetta fi ftit ħin filwaqt li l-captain Matthew Zammit ġab id-draw b’xutt potenti, f’sessjoni li rat il-kowċ Ġiljaniż Zeljko Kovacic jitkeċċa għal protesti.
Fl-aħħar sessjoni, San Ġiljan marru fil-vantaġġ għall-ewwel darba b’gowl ta’ Nikolai Zammit u minn hemm ħadu l-kontroll tal-logħba. Sliema kienu fjakki wisq biex jerġgħu jmorru fil-vantaġġ u fallew diversi man-ups. Iż-żewġ gowls ta’ Ben Plumpton għalqu l-logħba u bdew il-festeġġjamenti tal-partitarji preżenti.
Fi tmiem il-logħba, il-captain ta’ San Ġiljan Matthew Zammit ġie ppreżentat bit-trofew mill-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar akkumpanjat mill-President tal-ASA Karl Izzo.
Sliema: N. Grixti, E. Schembri (2), L. Galea (1), J. Chircop, J. Cassar, B. Cachia, J. Cutajar (2), D. Rizzo, J. Brownrigg, A. Galea, Z. Mizzi, D. Zammit, M. Castillo (2), J. Gambin
San Ġiljan: J. Tanti, N. Bugelli (1), G. Bonavia, B. Plumpton (3), R. Caruana, M. Zammit (1), J. Bonavia, D. Tully, J. Abela (3), N. Zammit (1), N. Bonavia, N. Schiavone, G. Borg
Referees: Ronnie Spiteri, Peter Balzan
//= $special ?>

