Tul il-jum, il-pajjiz fakkar it-telfa tal-erba’ Maltin illi mietu waqt l-irvellijiet tal-1919 fil-Belt Valletta.
It-tifkira saret il-Ġimgħa filghodu fil-ħemda taċ-Ċimiterju tal-Addolorata – f’jum il-festa Nazzjonali tas-Sette Giugno, fejn il-poplu Malti u Għawdxi fakkar lill-martri tal-patrija – Maltin ħutna li ċarċru demmhom għalina u għal pajjiżna – Manuel Attard minn Tas-Sliema, Lorenzo Dyer mill-Birgu, Carmelo Abela mill-Belt u Giuseppe Bajada minn Għawdex.
Riżultat tal-irvellijiet kienu mietu b’kollox sitt persuni; filwaqt li 50 persuna ndarbu.
Dawn l-irvellijiet li seħħew aktar minn mitt sena ilu kienu bdew minhabba l-iskarsezza tal-ikel u l-isfidi kbar li din is-sitwazzjoni ġabet magħha fuq il-familji Maltin u Għawdxin wara l-Ewwel Gwerra Dinjija.
Sentejn wara dawn l-avvenimenti, Malta ngħatat Kostituzzjoni ġdida, li permezz tagħha l-Maltin kisbu Gvern immexxi minnhom għall-ewwel darba.
Intant, aktar tard, matul il-jum il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono – fl-ewwel ċerimonja tagħha fil-vesti ta’ President tar-Repubblika – qiegħdet kuruna fuq il-monument tas-Sette Giugno, fil-Belt Valletta, akkumpanjata miċ-Chairperson tal-Kumitat Festi Nazzjonali fost oħrajn…bis-sehem ukoll ta’ stakkamant tal-Forzi Armati ta’ Malta.
//= $special ?>