Sport Waterpolo

Ferencvaros itemmu r-renju ta’ Pro Recco bħala Champions Ewropej f’partita spettakolari

(Ritratt: Water Polo Champions League)

PRO RECCO…………. 11

FERENCVAROS……. 12

(2-2), (2-4), (3-3), (4-3)

Emozzjoni, spettaklu u livell għoli ta’ waterpolo. Uħud mill-ingredjenti ta’ finali mill-aqwa fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq li rat lil Ferencvaros itemmu r-renju ta’ Pro Recco bħala Champions Ewropej wara tliet staġuni konsekuttivi. Dan kien it-tieni unur għalihom wara li kienu kisbu l-ewwel suċċess fl-istaġun 2018/19.

Quddiem pubbliku numeruż, il-finali kienet ikkaratterizzata minn partita mill-isbaħ bi tmiem eċċitanti hekk kif prattikament inqala’ minn kollox fl-aħħar sessjoni. Difiża impekkabbli minn Ferencvaros iżda daqstant ieħor kienet il-grinta ta’ Pro Recco li baqgħu jissieltu sal-aħħar anki jekk għamlu ħafna mill-ħin fi żvantaġġ.

Nieqes mill-formazzjoni ta’ Pro Recco kien hemm il-captain Aleksandar Ivovic u minfloku daħal Matteo Iocchi Gratta. Żewġ bidliet għal Ferencvaros, b’Zoltan Pohl u Toni Nemet lagħbu flok Erik Molnar u Luca Damonte.

Inċidentalment iż-żewġ timijiet skorjaw il-gowls tagħhom fl-ewwel sessjoni meta kellhom superjorità numerika. L-ewwel kien Vendel Vigvari li poġġa lil Ferencvaros minn fuq sakemm gowls immedjati ta’ Matteo Iocchi Gratta u Giacomo Cannella dawru l-iskor. Edoardo di Somma ġab id-draw meta l-Ungeriżi kellhom superjorità doppja fl-ilma.

Dusan Mandic spikka fit-tieni sessjoni b’żewġ gowls mill-isbaħ li għenu lil Ferencvaros jieħdu vantaġġ ta’ 6-4. Iż-żewġ gowls l-oħra ġew skorjati minn Szilard Jansik. Pro Recco pattew qares tal-okkażjonijiet li kellhom fosthom fallew tliet man-ups minn erbgħa f’din is-sessjoni.

Pro Recco urew titjib fit-tielet sessjoni iżda sabu x-xibka biss minn okkażjonijiet ta’ superjorità numerika hekk kif il-kompattezza difensiva ta’ Ferencvaros bdiet tagħmilha aktar diffiċli għalihom. Huma naqqsu d-distakk minn 8-5 għal 8-7 sa nofs is-sessjoni iżda l-gowl minn man-up maħdum mill-isbaħ u skorjat b’mod preċiż minn Stylianos Argyropoulos assigura li Ferencvaros bdew l-aħħar sessjoni żewġ gowls vantaġġ.

Kollox kien għadu miftuħ fl-aħħar sessjoni iżda ftit basru dak li ġara sa tmiem il-logħba. Aaron Younger naqqas id-distakk minn penalty u lejn nofs is-sessjoni Pro Recco kienu għoddhom ġabu d-draw permezz ta’ Matteo Iocchi Gratta. Hawn seħħ il-mument importanti tal-logħba meta permezz tal-VAR, il-gowl tħassar u minflok ntwera l-karta l-ħamra Gergo Zalanki għal azzjoni vjolenta, b’konsegwenza li Pro Recco kellhom jilagħbu erba’ minuti bi plejer anqas filwaqt li Mandic skorja l-penalty sussegwenti u għamilhom 10-8.

Bi plejer anqas, il-logħba kienet għat-telgħa għal Pro Recco iżda rnexxielhom jibqgħu fil-logħba hekk kif fl-attakki tagħhom bdew iġibu t-tkeċċijiet. Fi tliet okkażjonijiet, Ferencvaros kellhom 2, 3 u żewġ plejers imkeċċija, bi Pro Recco jiskorjaw it-tliet okkażjonijiet u baqgħu jittamaw.

B’riżultat ta’ 12-11 u żewġ minuti għat-tmiem, kollox seta’ jiġri, bit-tensjoni fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq setgħet tinħass. Marco del Lungo għamel il-parti tiegħu biex salva darbtejn u żamm lil Pro Recco fil-logħba. Għall-aħħar attakk ta’ Pro Recco, it-timijiet reġgħu ġew bl-istess plejers hekk kif għaddew l-erba’ minuti tat-tkeċċija.

Fl-aħħar 16-il sekonda, man-up għal Pro Recco, dawru l-ballun, Ferencvaros iddefendew sa snienhom, bix-xutt finali mix-xellug ta’ Francesco Condemi ġie blokkat fost il-ferħ tal-plejers ta’ Ferencvaros. Kif mistenni, mat-tisfira finali, ferħ ġustifikat minn Ferencvaros li temmew ir-renju ta’ Pro Recco.

Wara l-logħba saret il-preżentazzjoni lil Olympiacos bħala t-tim li spiċċa fit-tielet post, lil Pro Recco bħala l-finalisti u lil Ferencvaros bħala r-rebbieħa Ewropej il-ġodda fost spettaklu ta’ logħob tan-nar.

Pro Recco: M. del Lungo, F. Di Fulvio (2), G. Zalanki (1), G. Cannella (1), A. Younger (2), A. Fondelli, N. Presciutti, G. Echenique, F. Condemi, K. Kakaris (2), M. Iocchi Gratta (2), B. Hallock (1), T. Negri

Ferencvaros: D. Szakonyi, D. Mandic (4), Z. Pohl, D. Merkulov, S. Argyropoulos (2), E. Di Somma (1), G. Fekete, V. Vigvari (1), T. Nemet, D. Varga (2), S. Jansik (2), A. Nagy, S. Vogel

Referees: Boris Margeta (Slovenja), Adrian Alexandrescu (Rumanija)