Internazzjonali

Gaza: L-Istati Uniti trid id-dettalji preċiżi dwar l-attakk fuq l-iskola

Għad fadal tensjoni kbira — u ħafna mistoqsijiet — dwar l-attakk ta’ din il-ġimgħa mill-qawwiet Iżraeljani li rriżulta f’madwar 40 mejtin fi skola ta’ Gaza li kienet pakkjata bir-refuġjati.

L-Istati Uniti qed tinsisti biex l-Iżraeljani jkunu ‘trasparenti’ fl-informazzjoni tagħhom dwar l-attakk wara li ajruplan tal-gwerra spara l-missili lejn il-klassijiet fil-parti ta’ fuq ta’ skola li tifforma parti mill-kamp ta’ Nuseirat għar-refuġjati.

Il-militar Iżraeljan qed jgħid li wettaq attakk ‘ta’ preċiżjoni’ fuq parti tal-iskola li kienet qed isservi bħala bażi għat-terroristi – u bil-Gvern tal-Ħamas qed jiċħad li dan hu minnu.

L-Istati Uniti, fl-aħħar sigħat, sejħet biex l-Iżraeljani jidentifikaw pubblikament lill-ġellieda tal-Ħamas li qed jingħad li nqatlu f’dan l-attakk – bil-militar Iżraeljan jipprovdi l-ismijiet ta’ disa’ minn fost it-terroristi.

L-Iżraeljani ta’ spiss jidentifikaw il-miri tal-attakki mill-ajru iżda hu rari ħafna li l-Istati Uniti twettaq pressjoni fuq Iżrael biex joħroġ rapport metikoluż dwar xi attakk partikulari….Dan waqt li Iżrael għadu jinsisti li fl-iskola kien hemm l-għexieren tat-terroristi tal-Ħamas li kienu ħadu sehem fl-attakki storiċi ta’ Ottubru f’artu.

U waqt li l-Amerikani qalu li raw ir-rapporti fis-sens li nqatlu mal-14-il tfal fl-attakk fuq l-iskola, il-kelliem tal-Armata Iżraeljana, Daniel Hagari, żvela l-ismijiet ta’ diversi terroristi tal-Ħamas u l-grupp Ġiħad Iżlamiku li spiċċaw ‘eliminati’ fl-attakk.

Dan ukoll meta Iżrael qed iwiegħed li jiżvela aktar ismijiet tat-terroristi maqtula ladarba huma jivverifikaw l-informazzjoni quddiemhom.

Sadanittant, il-kelliema għad-Dipartiment tal-Istat Amerikan ukoll qalu li l-Gvern Iżraeljan impenja ruħu biex jiżvela aktar informazzjoni u dettalji dwar l-attakk fuq l-iskola – b’ Washington qed jistenna ‘li dan isir bi trasparenza assoluta’ fi żmien mill-aktar delikat għal Gaza u l-Lvant Nofsani kollu.