Internazzjonali

Il-Gwerra f’Gaza: Lobbying għall-paċi…iżda kollox jiddependi minn Iżrael

L-Uffiċjali tal-Istati Uniti għadhom qed jippersistu bil-lobbying biex Iżrael jaqbel mal-proposta għal waqfien mill-ġlied fil-Medda ta’ Gaza…Proposta li tressqet mill-President Amerikan Joe Biden, bil-ħsieb li twassal għal waqfien mill-ġlied validu għal sitt ġimgħat – u li tippermetti għall-irtirar tal-militar Iżraeljan miz-zoni ta’ Gaza ffullati biċ-ċivili u r-refuġjati.

Il-pjan, imqassam fuq diversi fażijiet, anki għandu jippermetti għal spinta ta’ għajnuna umanitarja liċ-ċivili ta’ Gaza li qed jgħixu fl-aktar kundizzjonijiet atroċi, fost in-nuqqas tal-ikel u affarijiet oħra essenzjali.

Kundizzjoni xejn anqas importanti – u li l-Iżraeljani qed jinsistu dwarha mija-fil-mija – tinvolvi l-ħelsien tal-ostaġġi ‘mingħajr kundizzjonijiet’ u meta dawn ilhom miżmuma mill-Ħamas mindu t-terroristi, fis-7 ta’ Ottubru, attakkaw il-komunitajiet u l-ibliet tal-Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera …Attakki li fihom inqatlu ‘il fuq minn 1,300, fosthom il-mijiet tan-nisa u t-tfal.

Hu ittamat ukoll li l-ftehim – f’każ ta’ qbil min-naħa tal-Iżraeljani – iwassal għall-konklużjoni definittiva tal-gwerra bejn Iżrael u l-Ħamas.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun jista’ jitfassal bis-serjetà pjan għar-rikostruzzjoni ta’ Gaza – bir-Renju Unit, Franza  u l-Ġermanja, l-istess bħall-Istati Uniti, mill-ġdid jenfasizzaw l-appoġġ għal ftehim li għandu ‘jagħlaq kapitlu partikularment iswed għal-Lvant Nofsani’.

Id-Direttur tas-CIA ( servizzi sigrieti) tal-Istati Uniti, William Burns, fl-aħħar sigħat iltaqa’, f’Doha, mal-medjaturi mill-Eġittu u l-Qatar biex, flimkien, jiddiskutu l-pjani għall-waqfien mill-ġlied f’Gaza.

Madankollu, l-uffiċjali Eġizzjani qalu li ma kienx hemm sinjali ċari ta’ xi żblokk fis-sitwazzjoni – b’diversi Ministri u deputati fil-Parlament Iżraeljan mhumiex iħossuhom komdi dwar ftehim ‘qabel jaċċertaw li jkunu eliminaw it-theddida tat-terroriżmu min-naħa tal-Ħamas’