Lokali

Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech ħati li għadda informazzjoni privata tal-ħaddiema

Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech instab ħati li għadda informazzjoni privata ta’ impjegati illi jaħdmu fl-industrija tal-films lil kumpanija terza għal survey dwar il-kundizzjonijiet f’din l-industrija.

Dan wara li f’Jannar li għadda Matthew Maggi ilmenta li rċieva telefonata minn Malta Survey biex janalizza l-kundizzjoni tal-ħaddiema f’din l-industrija. Kien għalhekk li l-Kummissarju tal-Informazzjoni u Data Protection Ian Deguara kien mitlub li jinvestiga dan l-ilment.

Minn naħa tiegħu Maggi qal li huwa inaċċettabbli li r-rappreżentant mal-Malta Survey ċaħad milli jgħid minn fejn ġab id-dettalji personali tiegħu. Dan apparti li saqsa wkoll min kellu aċċess għat-tweġibiet ta’ dan is-survey; iżda l-mistoqsijiet kollha tiegħu ġew injorati.

Intqal li wara numru ta’ telefonati oħra minn rappreżentanti different ta’ Malta Survey Maggi skopra li l-Kummissjoni tal-Films kienet responsabbli minn dan is-survey.

Eventwalment, ġie żvelat li l-Kummissjoni ħadet id-dettalji u għaddiethom lil Malta Survey.

Kien għalhekk illi Deguara kkonkluda li l-Kummissjoni tal-Films immexxija minn Johann Grech naqset milli tistabilixxi relazzjoni permezz ta’ kuntratt li wassal għal tixrid ta’ informazzjoni bi ksur ta’ numru ta’ regolamenti.