Lokali Qorti

Jinżamm arrestat b’rabta ma’ theddid fuq familtu

Raġel ta’ 36 sena residenti Ħal Qormi inżamm arrestat hekk kif ġie mixli li hedded u kkaġuna biża’ ta’ vjolenza fuq familtu.

Fil-Qorti ntqal li din mhux l-ewwel darba li r-raġel tressaq b’rabta ma’ theddid fuq familtu. Minn naħa tiegħu l-ispettur spjega li l-akkużat għandu l-vizzju tad-droga u spiss jheddidhom għal flus sabiex ikun jista’ jmantni l-istess vizzju.

Quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella r-raġel wieġeb mhux ħati bid-difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest. Iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba hekk kif mhux l-ewwel darba li r-raġel affaċċja dawn l-akkużi.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal waqt is-seduta l-Maġistrat ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest dan filwaqt li ordnat lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Dan apparti li tpoġġa taħt ordni ta’ superviżjoni.

L-avukat Martin Farrugia deher għall-akkużat dan filwaqt li l-avukati Arthur Azzopardi, Frank Tabone u Jenilee Agius dehru għal vittmi.