Internazzjonali

L-Ewropa: L-Ukrajna u l-Moldova huma lesti għal taħditiet ta’ sħubija – minkejja l-ostaklu ‘Ungerija’

Il-Kummissjoni Ewropea infurmat lill-Istati membri tal-UE li l-Ukrajna u l-Moldova it-tnejn jissodisfaw il-kriterji neċessarji għall-bidu tan-negozjati formali għall-isħubija fil-grupp tas-27 pajjiż.

L-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tar-Russja żiedet is-sens ta’ urġenza relatat mal-politika għat-tkabbir tal-Unjoni – bl-Ukrajna u l-Moldova jingħataw l-istatus ta’ kandidati għal sħubija…Tragward li kien ikkonfermat ftit xhur biss wara li l-militar Russu kien qed jinvadi l-ibliet tal-Ukreni, fl-2022.

Intant, il-proċess lejn l-isħubija formali ta’ pajjiż fl-UE hu twil ħafna u meta l-pajjiż inkwistjoni għandu jissodisfa sensiela ta’ riformi ekonomiċi, ġudizzjarji u kostituzzjonali. Dan qabel il-pajjiż jista’ iħares lejn il-fażi li jmiss fil-proċess tas-sħubija.

L-Ukrajna, issa, ikkonkludiet sensiela ta’ riformi biex tindirizza l-korruzzjoni u biex tipproteġi d-drittijiet tal-minoranzi. Dan waqt li l-Moldova konkludiet numru ta’ riformi pendenti fil-qasam tal-ġudikatura.

Iżda waqt li l-bidu tat-taħditiet ma’ dawn il-pajjiżi kapaċi jkun imminenti, is-sorsi diplomatiċi fi Brussell qed jgħidu li l-Gvern Ungeriż qiegħed jaħseb diġà biex jostakola l-affarijiet  — bit-Tmexxija f’Budapest jesprimi tħassib dwar kemm l-Ukrajna hi tassew ippreparata għall-isħubija fl-UE.

Qabel il-bidu tat-taħditiet, kull Stat tal-Unjoni – mingħajr eċċezzjoni – għandu jaqbel dwar is-sistemi għan-negozjati li jesiġu l-prinċipji u linji gwida li jiffurmaw il-bażi tat-taħditiet bejn Brussell, l-Ukrajna u l-Moldova.

Għandu jkun hemm anki qbil dwar konferenza intergovermentali bħala l-forum fejn għandhom jibdew it-taħditiet dovuti.

Ftit tax-xhur ilu, il-Gvern tal-Prim Ministru Ungeriż, Viktor Orban, stqarr biċ-ċar l-oppożizzjoni għall-isħubija tal-Ukrajna fejn semma ‘il-livelli tal-korruzzjoni’ f’dak il-pajjiż u n-nuqqas tal-miżuri għall-protezzjoni tal-minoranza Ungeriża fir-reġjun ta’ Transcarpathia (mal-fruntiera tal-Ukrajna).

Iżda r-rappreżentanti tal-Istati membri tal-UE setgħu jiżgiċċaw mill-kampanja tal-oppożizzjoni ta’ Orban wara li hu intalab biex joħroġ mill-kamra bħala mossa tattika qabel kellu jittieħed vot.

Minn dak iż-żmien, il-Gvern tal-President Ukren, Volodymyr Zelensky, ħa l-passi biex isaħħaħ id-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali u fejn emenda l-liġijiet biex jippermetti għas-sistemi tal-edukazzjoni li jibbażaw fuq il-lingwi tal-minoranzi.

Sadanittant,  12-il Stati membri indirizzaw ittra lill-Gvern Belġjan — li għandu l-Presidenza attwali tal-Kunsill tal-Ewropa – biex it-taħditiet ta’sħubija mal-Ukrajna u l-Moldova jibdew qabel l-aħħar ta’ dan ix-xahar.

Dan għaliex minħabba li l-Ungerija għandha tassumi l-Presidenza tal-Kunsill minn Lulju, hemm il-biża’ li din ikollha s-saħħa biex tostakola aktar il-proċess għall-isħunija ta’dawn il-pajjiż — u jekk kemm-il darba Budapest ma jibdilx il-pożizzjoni matul il-jiem li ġejjin.

Fl-istess ħin, ħafna Stati tal-UE mhumiex kuntenti bil-Gvern tal-Ungerija li qed ikompli jeżerċita l-veto għal deċiżjonijiet importanti li jirrigwardaw l-għajnuna militri mill-Ewropa lill-Ukrajna.