Jien naqbel ma’ dak li kiteb il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika stess fl-ittra li bagħat lis-Sedja fit-18 ta’ Lulju 2023 fejn qal li l-guidelines dwar ir-reklamar li għandhom jiġu osservati mill-membri tal-Eżekuttiv għandhom ikunu parti mill-kodiċi ta’ etika għall-Ministri u Segretarji Parlamentari. Nemmen li dan għandu jsir kemm jista’ jkun malajr biex il-Kumitat ikollu bażi legali fuqiex jiddeċiedi jekk hemmx ksur jew le tal-etika, u fejn hemm bżonn japplika sanzjonijiet, dwar rapporti li jidħlu mingħand il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika fil-konfrontta’ membri tal-Eżekuttiv.
Hekk saħħaq l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati fil-jum li fih jitfakkru l-vittmi tas-Sette Giugno, waqt li għamel referenza wkoll għall-Parlament u qal li għad fadal xi jsir biex il-Parlament tagħna jkun dejjem aktar effettiv, aktar parteċipattiv u fuq kollox aktar demokratiku.
Punt ieħor li għamel referenza għalih l-Ispeaker Anglu Farrugia kien li jkun hemm diskussjoni u qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra sabiex il-Parlament jadotta mekkaniżmu li permezz tiegħu, minn żmien għal żmien skont il-każ, ikun jista’ jiddiskuti l-opinjonijiet mgħoddija mill-Ombudsman lill-Ispeaker. Farrugia spjega ki minkejja li dawn l-opinjonijiet dejjem jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra malli jaslu u allura jkunu għad-dispożizzjoni tal-Membri kollha, xorta ma jkunx hemm azzjoni jew diskussjoni dwarhom fil-Parlament.
L-Ispeaker tal-Parlament għamel ukoll l-istess appell li ilu jagħmel għal diversi snin, appell biex jinstab mekkaniżmu fejn iċ-ċittadin li jħossu inġurjat bi kliem li jingħad dwaru fil-Parlament ikollu rimedju għal kull abbuż mill-privileġġ parlamentari li jgawdu minnu l-Membri Parlamentari, dak li spiss nirreferu għalih bħala ‘citizen’s right of reply’.
Intant wara d-diskors tal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati bħal kull sena f’din l-attivta tpoġġew il-kuruni tal-fjuri biswit il-monument tas-Sette Giugno. Fost dawk li qiegħdu l-kuruni tal-fjuri kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, u l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola.
//= $special ?>