Il-Prim Ministru Britanniku Rishi Sunak qed jiffaċċja kontroversja ġdida wara li telaq qabel suppost mill-avvenimenti fi Franza li kienu qed isiru biex ifakkru D-Day – il-jum, fl-1944, meta l-qawwiet Alleati invadew in-Normandija biex jilliberaw lill-Ewropa mill-okkupazzjoni tan-Nażisti ta’ Adolf Hitler.
Sar magħruf li Sunak, ladarba wasal lura fir-Renju Unit, kien ħa sehem f’intervista mal-ITV biex jispjega l-aġenda tal-Partit Konservattiv qabel l-elezzjonijiet ġenerali ta’ Lulju f’pajjiżu.
Sunak, issa, spiċċa b’dahru mal-ħajt quddiem il-pressjoni tal-istampa – u sal-punt fejn hu kellu jammetti li ‘żbalja fid-deċiżjoni biex jitlaq kmieni minn Franza’ waqt l-avvenimenti ta’ tifkira. Hu kien telaq waqt li, fin-Normandija kien għaddej avveniment għall-veterani Britanniċi – ilkoll ‘il fuq minn 90 sena – li ħadu sehem fil-landings (invażjoni) tal-1944
U wara li talab apoloġija, il-Prim Ministru qal li ‘il-votanti fir-Renju Unit jistgħu jiġġudikawh skont l-azzjonijiet tiegħu relatati mas-sistemi ta’ appoġġ għall-qawwiet armati Britanniċi’.
Madankollu, mistenni li dan l-iżball kapaċi jissarraf fil-voti mitlufa għal Sunak u t-Tories anki jekk il-Ministru Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Lord David Cameron, faħħar lil Rishi Sunak ‘għall-kuraġġ li kellu biex jammetti n-nuqqas tiegħu minflok ipprova jiddefendi d-deċiżjoni’.
//= $special ?>