Futbol Sport

Southgate u Spalletti jħabbru l-iskwadri finali rispettivi

Il-kowċ tat-tim nazzjonali Ingliż Gareth Southgate u l-kowċ tat-tim nazzjonali Taljan Luciano Spalletti ħabbru l-iskwadri finali tagħhom ftit aktar minn ġimgħa bogħod għall-bidu tal-EURO 2024.

Iż-żewġ kowċis ħabbru skwadra finali ta’ 26 plejer. Jispikkaw fl-iskwadra Ingliża l-esklużjonijiet ta’ Harry Maguire, James Maddison u Jack Grealish, bil-kowċ Ingliż jgħid li kienu deċiżjonijiet diffiċli li kellu jieħu fl-aħħar jiem sabiex jeskludi lil dawn it-tliet players li kienu elementi prinċipali fl-aħħar snin fl-iskwadri ta’ Southgate. L-Ingilterra tibda l-impenji tagħha l-Ħadd 16 ta’ Ġunju kontra s-Serbja.

Luciano Spalletti minn naħa tiegħu kien sfurzat iħalli barra lil Francesco Acerbi u Giorgio Scalvini li minkejja kienu fl-iskwadra proviżorja t-tnejn sofrew injury. Tispikka wkoll l-inklużjoni mas-26 plejer ta’ Nicolo Fagioli fejn minkejja li dan l-istaġun ma tantx lagħab minħabba sospesjoni xorta waħda se jkun parti mill-iskwadra Taljana. It-tim Taljan jilgħab l-ewwel partita tiegħu s-Sibt 15 ta’ Ġunju kontra l-Albanija.