Sas-6pm, l-iscanning f’numru ta’ Distretti Elettorali kien diġà magħluq kompletament. Dan hekk kif fin-Naxxar għadu għaddej dan il-proċess, fejn il-voti qed jinqalbu wiċċhom ‘il fuq u jintefgħu fi scanner – sabiex minn hemm jibda joħroġ ir-riżultat uffiċjali.
S’issa, skont l-istimi ta’ Net News, il-PN kiseb kważi 41.8% tal-voti filwaqt li l-Labour kiseb 45%. Dan ifisser ukoll li l-partit ta’ Robert Abela ma kisibx maġġoranza assoluta. U apparti minn hekk, sfaxxat kompletament il-maġġoranza ta’ Joseph Muscat.
Sas-6pm, kollox kien għadu qed jindika li d-distakk se jkun taħt l-10,000 vot. Għalkemm anke dawn mhumiex ċifri uffiċjali.
Sorsi oħra qed jgħidu li d-distakk jaf saħansitra jinżel għal 6,000 vot. Iżda anke hawn, m’hemm xejn konfermat.
Il-verità hi, li dawn iċ-ċifri juru biċ-ċar kemm żgarraw il-pronostiċi kollha tas-surveys.
Fil-fatt, l-istħarriġ tal-MaltaToday u tat-Times kienu qed juru rebħa Laburista kbira bejn 27,000 vot u 30,000. Anke Vince Marmarà kien qed jagħti distakk enormi ta’ 26,000 favur il-Labour – xi ħaġa li assulutament ma ġratx.
//= $special ?>