Internazzjonali

Gaza: Reazzjonijiet imħallta wara l-ħelsien tal-ostaġġi minn Nuseirat

Il-Gvern Iżraeljan qed jinsisti biex il-Punent jirriserva l-kundanna għat-terroristi tal-Ħamas bħala ‘il-vera kaġun’ tal-gwerra — aktar milli jikkritika l-azzjonijiet militari li huma neċessarji waqt il-kunflitt ta’ Gaza.

Dan meta diversi ilħna influwenti fl-Ewropa qed jikkundannaw l-azzjoni tas-Sibt għall-ħelsien tal-ostaġġi Iżraeljani bħala ‘waħda li kellha tissarraf f’aktar qtil bla bżonn ta’ ċivili.’

Il-qawwiet Iżraeljani, appoġġjati mill-ajruplani tal-gwerra, fi tmiem il-ġimgħa wettqu offensiva kbira fuq l-inħawi madwar il-kamp tar-refuġjati ta’ Nuseirat, bil-ħsieb li jinħelsu numru ta’ ostaġġi li nħatfu waqt l-attakki terroristiċi  ta’ Ottubru, mill-Ħamas fuq il-komunitajiet ta’ Iżrael man-naħa l-oħra tal-fruntiera.

Fl-aħħar sigħat, il-Palestinjani residenti fiz-zona ffullata bir- refuġjati u li sfat mira ewlenija tal-attakki deskrivew ‘it-terrur tal-bumbardamenti u l-isparar kontinwu’ – bit-truppi Iżraeljani jidħlu bil-forza fl-inħawi fejn l-ostaġġi kienu qed jinżammu mit-terroristi li ‘tħalltu’ mal-familji.


Intant, inħelsu erba’ ostaġġi —   Noa Argamani, Almog Meir, Andrei Kozlov u Shlomi Ziv — li kienu nħatfu mill-Ħamas waqt li huma, fis-7 ta’ Ottubru, kienu qed jattendu festival mużikali f’Iżrael. L-erba’ issa jinsabu lura f’Iżrael fost il-ferħ tal-qraba li kienu qatgħu qalbhom li jerġgġu jarawhom ħajjin.

Iżda waqt li numru ta’ Mexxejja madwar id-dinja, fosthom il-President Amerikan Joe Biden, kellhom kliem ta’ sodisfazzjon għall-ħelsien tal-ostaġġi, kien hemm ukoll kritika għall-‘azzjonijiet militari eċċessivi’ tal-Iżraeljani biex jirrealizzaw it-tragward.

Dan waqt li Josep Borrell, li hu responsabbli mill-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea, ħareġ stqarrija speċifika biex ‘jikkundanna bla riservi l-azzjonijiet tal-Iżraeljani f’Nuseirat’.

Min-naħa tagħhom, il-Ħamas qed jgħidu li l-Iżraeljani, waqt l-azzjonijiet f’Nuseirat,  wettqu l-attakki bl-aktar mod indiskriminattiv, tant li nqatlu l-għexieren taċ-ċivili Palestinjani fil-kamp tar-refuġjaiti u l-madwar. Ingħad ukoll li fost il-maqtula kien hemm diversi nisa u tfal iżda dan ma kienx ikkonfermat mis-sorsi indipendenti.

Diversi rapporti qed jgħidu li fl-offensiva tal-Iżraeljani f’Nuseirat inqatlu bejn il-100 u l-200 – bil-kelliema għall-militar ta’ Iżrael jinsistu li l-mejtin, waqt il-battalji, kienu anqas minn mija. L-istess kelliema defendew l-azzjoinjiet bħala ‘xi ħaġa li kellha ssir’ u li kienet ferm riskjuża għas-suldati li daħlu f’kamp li kien inbidel f’fortizza tal-Ħamas.

Il-missjoni anki kienet imfissra bħala waħda kumplikata li bażat fuq informazzjoni preċiża – bil-Ministru tad-Difiża Iżraeljan, Yoav Gallant, itenni li l-qawwiet speċjali ta’ pajjiżu kellhom jegħlbu ‘reżistenza fanatika’ mill-Ħamas huma u jeħilsu lill-ostaġġi, Qed jidher ukoll li fl-azzjonijet inqatlu numru ta’ suldati Iżraeljani b’oħrajn jisfaw feruti.

Sadanittant, fil-jiem li jmiss mistennija jkomplu xorta n-negozjati għall-ħelsien tal-ostaġġi li għadhom miżmuma mill-Ħamas. In-negozjati qed jinvolvu r-rappreżentanti ta’ Iżrael u l-Ħamas, bl-Eġittu u l-Qatar qed iservu bħala medjaturi.