Internazzjonali

Id-Danimarka: Solidarjetà mal-Prim Ministru Frederiksen li għadha xukkjata wara l-attakk tas-Sibt

k

Il-Prim Ministru tad-Danimarka, Mette Frederiksen qalet li tinsab tajba fiżikament, ‘iżda, fl-istess ħin, ixxukkjata u dispjaċuta ħafna’ wara li hi spiċċat attakkata fil-kwartier antik ta’ Kopenhagen.

Hi qed issofri minn uġigħ f’għonqha wara li raġel Pollakk ta’ 40 sena, nhar is-Sibt, avviċinaha  u xejjrilha daqqa ta’ ponn waqt li hi kienet miexja għall-affari tagħha. L-aggressur, wara, tressaq il-qorti għal smigħ preliminari u meta qed jiffaċċja akkużi dwar vjolenza kontra uffiċjal tal-Gvern. Hu se jibqa’ jinżamm taħt arrest sal-20 ta’ Ġunju,

Huma rari sitwazzjonijiet bħal dawn li jinvolvu xi Mexxej ta’ pajjiż-membru tal-Unjoni Ewropea. U waqt li d-Daniżi, bħalissa, qed jivvutaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, diversi Mexxejja tal-UE komplew jesprimu xokk u kundanna għal dak li għaddiet minnu Mette Frederiksen.

Fost dawn kien hemm il-President Franċiż, Emmanuel Macron, li qal li aġir bħal dan fil-konfront ta’ Mexxej ta’ pajjiż hu inaċċettabbi, bil-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel iwassal messaġġ ta’ solidarjetà ma’ Frederiksen li ilha Prim Ministru tad-Danimarka mill-2019.

Mette Frederiksen hi wkoll il-Kap tas-Soċjal Demokratiċi Daniżi li huma l-akbar partit fil-Gvern ta’ Koalizzjoni f’Kopenħagen.