Fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar fid-9:35 beda l-proċess li fih qed jinqalbu l-poloz tal-voti fuq l-imwejjed rispettivi.
Il-proċess beda madwar nofs siegħa aktar tard mill-ħin skedat. U jidher li fil-ħin li ġej se jkunu qed joħorġu l-ewwel samples.
Intant, dalgħodu ma kienu qed jingħataw ebda aġġornamenti mis-sit elettorniku tal-media Laburista.
Lanqas ħabbru li kellu jitkellem il-Mexxej Laburista f’nofsinhar.
Fis-Sala tal-Għadd tal-Voti hemm preżenza kbira ta’ aġenti tal-partiti li qed isegwu dak li għaddej; proċess li matulu jibdew jittieħdu wkoll l-ewwel samples li jagħtu idea ta’ fejn marret din il-votazzjoni għas-sitt MEPs.
Ħames snin ilu, id-distakk f’din l-elezzjoni bejn il-PN u l-PL kien ta’ 42,000 vot.
AKTAR KMIENI
Mid-9am, fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar, se jibdew bil-proċess li matulu jibdew jinqalbu l-poloz tal-vot illi inxteħtu għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Dan wara li l-bieraħ saret din l-elezzjoni madwar Malta u Għawdex, fl-istess waqt li l-poplu ivvota biex jeleġġi l-Kunsilli Lokali.
Din is-sena l-għadd tal-voti se jerġa’ jsir b’mod elettroniku, wara li fl-2019 intużat is-sistema għall-ewwel darba.
Matul il-lejl, il-poloz tal-vot kienu qed jinqalbu rashom ’l isfel u jitpoġġew fil-kaxex li jinsabu fuq l-imwejjed tas-Sala tal-Għadd tal-Voti. U issa, fid-9am, jibdew jiddawru l-poloz tal-votazzjoni u jintwerew lill-aġenti li jkunu qed josservaw il-proċess kollu minn wara l-perspex.
Wara li jkun tlesta pakkett sħiħ, il-voti jitpoġġew fl-iscanners.
Ikun wara dan il-proċess twil li eventwalment joħroġ ir-riżultat tal-elezzjoni, għalkemm il-partiti ikollhom diġa’ is-sample tagħhom.
//= $special ?>