L-ewwel ċifri li kiseb Net News jindikaw li l-PN irnexxielu jnaqqas sew id-distakk mill-elezzjoni tal-2019, meta d-differenza bejn iż-żewġ partiti (2019) kienet ta’ aktar minn 42,000.
Dan is-sit jista’ jikkonferma li d-distakk huwa ta’ inqas minn 15,000 vot.
F’telefonata diretta fuq TVM, il-Prim Ministru qal biss li l-poplu ta rebħa soda lill-Partit Laburista. Għalkemm qal li hemm “messaġġi importanti” x’jieħu.
Abela ma semma’ ebda ċifri, u ma kienx f’pożizzjoni li jikkonferma maġġornaza assoluta. Dan għaliex il-Labour ma kisibx maġġoranza assoluta.
Fl-2004, id-distakk bejn il-partiti kien ta’ 21,295. Dan ifisser li r-riżultat f’din l-elezzjoni tal-MEPs huwa wieħed storiku għall-Partit Nazzjonalista – elezzjoni li fiha kiseb l-aqwa riżultat li qatt kellu fl-MEPs.
Dan ir-riżultat mhux uffiċjali juri wkoll li s-surveys tat-Times u tal-MaltaToday kienu kompletament żbaljati. Anke l-projections ta’ Vincent Marmarà kienu żbaljati.
Jidher ukoll li Roberta Metsola kisbet vot b’saħħtu immens f’din l-elezzjoni.
It-turnout fl-elezzjoni tas-Sibt kienet ta’ 72.82%
Intant, fl-aħħar sigħat, Jason Micallef qal li l-Labour kien konfermat bħala “l-akbar partit f’Malta”. Iżda ma qal xejn dwar id-distakk bejn iż-żewġ partiti, u lanqas dwar is-siġġijiet li se jtella’ l-Labour fil-Parlament Ewropew.
//= $special ?>