L-aħħar statistika dwar il-gwerra fl-Ukrajna qed turi dejjem aktar li r-Russja qed tkompli titlef l-ammonti allarmanti tas- suldati u vetturi militari mingħajr ma tilħaq it-tragwardi tagħha f’aktar minn sentejn ta’ kunflitt.
L-ammonti tal-mejtin fil-gwerra anki qed jidhru insostenibbli għar-Russja, fost rapporti li, matul ix-xahar ta’ Mejju, inqatlu madwar 40,000 truppi tal-Kremlin f’31 jum ta’ kumbattimenti u li huwa rekord fih innifsu.
U għalkemm il-Kremlin ta’ Moska qed jinsisti li l-istrateġiji tiegħu fl-Ukrajna ‘qegħdin jirnexxu’, it-telfiet bla preċedent ta’ militari komplew iżidu t-tħassib dwar kemm ir-Russja kapaċi tibqa’ issofri daqstant disfatti għat-tul taż-żmien u mingħajr ma taċċerta mill-kisbiet notevoli fuq il-kampijiet tal-battalja.
Ir-Russi anki qed ikomplu jitilfu l-mjiet tal-vetturi u tankijiet tal-gwerra, flimkien mal-biċċiet tal-artillerija li qed jintlaqtu mill-missili tal-Ukreni.
U skont is-servizzi sigrieti tar-Renju Unit li qed janalizzaw ix-xejriet tal-gwerra fl-Ukrajna, l-aktar aspett inkwetanti għall-Kremlin –u għal Vladimir Putin — hu li, f’din il-fażi tal-kunflitt, ir-Russi qegħdin jitilfu medja ta’ 1,200 suldat għal kull ġurnata li tgħaddi.
Għalkemm il-qawwiet Russi qed jikkontrollaw ammont sostanzjali tat-territorji tal-Ukrajna, huma xorta għadhom ‘il bogħod sew milli jiksbu l-miri ewlenin li jistgħu jagħmlu differenza deċiżiva fil-kunflitt.
Dan minkejja li r-Russi qed ikomplu bl-offensiva attwali fir-reġjun ta’ Kharkiv…Offensiva li, skont is-servizzi sigrieti tal-militar Britanniku, ‘qed tiddependi, fil-parti kbira, fuq it-tagħmir militari antikwat ta’ Moska’ u waqt li ‘it-tmexxija ineffiċjenti (tal-kapijiet) ukoll qed tikkontribwixxi għat-telfiet hekk kbar tas-suldati.’
//= $special ?>