Lokali

TLIET MEPs GĦALL-PN: Id-distakk jonqos għal 8,400

Metsola tikseb rekord ta’ aktar minn 87,000 vot

Tevapora kważi kompletament il-maġġoranza li kellu l-partit ta’ Robert Abela. Dan hekk kif id-distakk bejn iż-żewġ partiti huwa dak ta’ 8,454 vot – deskritt minn Abela nnifsu bħala “rebħa soda”.

Il-President tal-Parlament Ewropew u Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista Roberta Metsola ġabet l-akbar ammont ta’ voti b’rekord ta’ 87,473 vot. Eletti flimkien magħha f’isem il-Partit Nazzjonalista huma David Casa u Peter Agius.

Għall-Partit Laburista ġew eletti Alex Agius Saliba, Thomas Bajada u Daniel Attard.

Intant, l-eżitu tal-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew fisser li d-distakk bejn iż-żewġ partiti issa niżel għal 3% biss hekk kif sal-2019 il-Labour kien rebaħ proprju dawn l-elezzjonijiet b’maġġoranza ta’ 42,600 vot.

Il-maġġoranza tal-Labour issa sfumat fix-xejn u għall-ewwel darba mill-2008 ma kisbux maġġoranza assoluta tal-voti fejn minkejja li l-Labour għadu fil-Gvern, dan huwa shift qawwi ħafna li ċertament poġġa lit-tmexxija Laburista u lil Robert Abela f’pożizzjoni dubjuża ħafna partikolarment qalb il-partitarji tal-Labour.