Internazzjonali

Franza: Kritika għal Macron… ‘Ma kellux isejjaħ elezzjoni daqshekk qrib tal-Olimpjadi’

Id-deċiżjoni tal-President Franċiż Emmanuel Macron biex isejjaħ elezzjoni bikrija qanqlet mhux ftit tal-kritika minn diversi setturi tal-ispektrum politiku fi Franza.

U l-fatt li l-Partit Renaissance u l-alleanza ta’ Macron marru daqshekk ħażin fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew qed jinkwieta mhux ftit lill-partitarji tiegħu, inklużi liberali. Dan fost indikazzjonijiet li l-mewġa tad-disfatti għalihom għandha tkompli sa dakinhar tal-elezzjoni nazzjonali, li se ssir fit-30 ta’ Ġunju u s-7 ta’ Lulju.

Macron u l-analisti politiċi influwenti mal-partiti tradizzjonali, fil-preżent, qed jirriflettu fuq xejra li qed tidher mill-aktar ċara. F’dan il-każ, il-Partit estremista tal-lemin, Rally Nazzjonali li hu mmexxi minn Marine Le Pen, kompla jżid mal-appoġġ b’mod konsistenti u sal-punt fejn illum hu  favorit biex itella’ Prim Ministru ‘estremista’ għall-ewwel darba fl-istorja ta’ Franza.

Marine Le Pen, fl-istess ħin, qed tgħid li r-Rally Nazzjonali, illum, hu lest biex jiggverna fi Franza – bid-deċiżjoni sorpriża ta’ Macron biex ixolji lill-Parlament ta’ Pariġi tħalli pajjiż sħiħ taħt xokk u mewġa ta’ inċertezza.

Dan ukoll fost l-indikazzjonijiet li l-President Macron, illum, jinsab fl-aktar sitwazzjoni dgħajfa u vulnerabbli fis-snin kollha li ilu jmexxi pajjiżu.

L-osservaturi qablu wkoll li Macron – politiku taċ-ċentru b’ossessjoni għat-tisħiħ tal-Unjoni Ewropea – ‘issogra’ bil-karta li għadu kemm lagħab. Dan meta kibret sew il-possibbiltà li hu – ladarba l-vot ikun konkluż –  jista’ ikollu jaħdem flimkien ma’ Prim Ministru ewroxettiku li kapaċi jipprova jbiegħed lil Franza mill-mainstream tal-politika Ewropea.

Is-Sindku ta’ Pariġi, Anne Hidalgo, qalet, sadanittant, tinsab ‘sorpriża u xukkjata’ bid-deċiżjoni ta’ Macron biex isejjaħ l-elezzjoni bikrija fi żmien meta l-pajjiż qed iħejji biex jorganizza l-edizzjoni li jmiss tal-Olimpjadi li jibdew fis-26 ta’ Lulju.

Hidalgo, li hi membru tal-Partit Soċjalista li jopponi lil Macron, qalet li ‘ma tistax tifhem għalfejn Macron seta’ ħaseb li dan seta’ jkun pass għaqli fi-ċirkustanzi. Hi sostniet li x-xoljiment tal-Parlament u l-iżviluppi sussegwenti għandhom, fost oħrajn, iħarbtu l-organizzazzjoni tal-Olimpjadi minbarra li jitfgħu ‘dawl ikrah’ fuq Franza.

Madankollu, Thomas Bach, bħala l-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, qal li l-kapijiet politiċi fi Franza huma magħqudin fl-appoġġ għal dan l-avveniment sportiv u mhux  jistenna li dan l-appoġġ għandu jonqos matul il-jiem li ġejjin.

Thomas Bach, waqt il-kummenti lill-istampa, qal li l-Franċiżi kapaċi jorganizzaw kampanja elettorali effiċjenti fi żmien speċifikat u li ma jistenniex li l-elezzjoni li jmiss għandha tkun l-eċċezzjoni. Hu kompla li filwaqt li Franza se jkollha Gvern ġdid, matul il-jiem li ġejjin mhux jistenna li  dan għandu jaffettwa lill-Olimpjadi b’xi mod negattiv.