Micallef jattakka lill-membri tal-Kabinett ta’ Abela
Għandna membri fil-Kabinett li frankament aktar jinħassu qishom “teenagers” – fl-aħħar sentejn id-distakk bejn il-Partit Laburista u n-nies inħass sew – iż-żmien li ġej se jkun test kbir għal-Labour u t-tmexxija tiegħu.
Sostna dan l-Eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista u uffiċjal tal-Gvern, Jason Micallef, l-istess Micallef li fil-ġimgħat li għaddew kien wieħed minn dawk li sejjaħ in-nies quddiem il-Qorti biex jagħtu s-sostenn tagħhom lil Joseph Muscat biss… minkejja li r-rieda tal-Prim Ministru Robert Abela kienet kontra.
Permezz ta’ post fuq Facebook, Jason Micallef sostna li kull stħarriġ li kien hemm fi żmien il-kampanja mar assolutament żmerċ u li qatt ma basar li d-distakk kien se jinżel taħt l-10,000 vot.
Hawnhekk Micallef attakka l-elettorat hekk kif stqarr li fid-dinja kollox jindara… inkluż il-ġid, filwaqt li attakka t-tmexxija Laburista hekk kif sostna li din kienet l-ewwel kampanja fl-aħħar 25 sena li ma kienx involut fiha – u insista li ma kinitx għażla tiegħu.
Huwa spjega li l-Labour taħt Robert Abela warrab numru ta’ nies b’mod sistematiku f’kull strata tal-Partit.
Micallef kritika wkoll in-nuqqas ta’ kordinament bejn l-awtoritajiet u l-aġenziji tal-Gvern u l-fatt li dan kollu huwa ċar li rrabja lil bosta.
Dan filwaqt li stqarr li waqt il-kampanja l-Labour kellu strateġija konfuża għall-aħħar b’rabta mal-Inkjesta Vitals,
“Deher, jew inħass, ma jafx hux ser jappoġġja l-innoċenza ta’ Joseph Muscat, Chris Fearne u Edward Scicluna meta dawn tressqu l-Qorti. Jien konvint li l-Laburisti fil-maġġoranza tagħhom ħassew li Eks Mexxej u Prim Ministru, u żewġ eks ministri Laburisti tħallew waħedhom.”
Jason Micallef ċanfar ukoll il-fatt li l-kunċert tal-aħħar jum tal-kampanja f’Ta’ Qali lejlet elezzjoni ta x’tifhem li l-Labour diġà kien beda jiċċelebra… ħaġa li skont hu jidher li xejn ma niżlet tajjeb mal-elettorat.
Finalment huwa qal li hemm bżonn ta’ riflessjoni kbira hekk kif dan iż-żmien se jkun test kbir għall-Partit Laburista… u għal Robert Abela.
//= $special ?>