Internazzjonali

Il-Belġju: Alexander De Croo jerfa’ r-responsabbiltà għad-disfatta elettorali… iżda se jkompli, għalissa, bħala Aġent Prim Ministru

Alexander De Croo, fl-aħħar sigħat, ikkonferma r-riżenja minn Prim Ministru tal-Belġju wara li l-partit tiegħu sofra disfatta sinifikanti fl-elezzjonijiet nazzjonali u għall-Parlament Ewropew ta’ tmiem il-ġimgħa.

L-elezzjonijiet għall-Ewropa u r-reġjuni tal-Belġju kkonfermaw il-kisbiet sostanzjali għall-kandidati estremisti tal-lemin – bil-partit N-VA jmur tajjeb ħafna fil-votazzjoni u bil-partit ta’ De Croo joħroġ bħala l-akbar tellief skont ir-riżultati.

L-N-VA ma jiffurmax parti mill-koalizzjoni preżenti tal-Belġju magħmul minn seba’ partiti u, minkejja r-riżultati inkoraġġanti, kapaċi jispiċċa xorta waħda eskluż mill-Parlament federali.

De Croo qal, waqt id-diskors ta’ riżenja, li hu kien is-simbolu tal-kampanja elettorali tal-partit tiegħu taċ-ċentru lemin u li falla milli jikseb ir-riżultati li xtaq. Hu, għaldaqstant, assuma responsabbiltà għad-disfatta fost l-istqarrija li r-riżenja minn Prim Ministru se tkun effettiva minn għada, it-Tlieta.

Intant, De Croo xorta għandu jibqa’ Aġent Prim Ministru tal-Belġju sa dakinar li tkun iffurmata koalizzjoni ġdida fi Brussell. Fl-istess ħin, hu, fl-aħħar sigħat, kien mistenni li jimxi mal-protokoll u joffri r-riżenja lir-Re Philippe tal-Belġju, fil-Palazz Irjali tal-kapitali.

Il-Partit Fjammin għal-Liberali u Demokratiċi ta’ De Croo kiseb ftit taħt id-9 fil-mija tal-appoġġ fost il-Fjammini waqt il-vot federali – u li jindika tnaqqis ta’ madwar 5 fil-mija meta paragunat mar-riżultati tal-2019.

Wara l-elezzjonijiet, sar magħruf ukoll li l-partit liberali Mouvement, issa hu l-akbar entità politika fi Brussell u fir-reġjun ta’ Vallonja fejn jitkellmu bil-Franċiż  – madankollu jidher li n-negozjati futuri għal koalizzjoni se jkunu diffiċli.