Lokali

PRESSJONI ENORMI FUQ ABELA: Il-Mexxej Laburista issa qed idur għan-nies taċ-ċivil

Il-poplu reġa’ tana l-fiduċja imma bagħtilna messaġġ b’saħħtu. Naf x’inhuma d-deċiżjonijiet li rridu nieħdu u għandi aptit neħodhom.

Hekk qal ilbieraħ il-Prim Ministru u mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt intervista fuq One Television.

Hu qal li quddiemu għandu deċiżjonijiet lejn is-sewwa u lejn dak li hu mgħawweġ u hu se jmur lejn deċiżjonijiet favur is-sewwa.

Dwar ir-riżultat tal-Ħadd li għadda, evita li jsemmi l-ammont ta’ eluf kbar ta’ voti li naqqas il-Partit Laburista waqt li ammetta li ħa ħafna żbalji imma ma setax isib minuta oħra fil-kampanja għal aktar impenn milli ta.

Hu kkritika lill-ħaddiema taċ-ċivil u qal li minn għada jridu jistaqsu lilhom infushom x’deċiżjonijiet għandhom jieħdu biex jaqdu aktar nies, qabel dawn id-deċiżjonijiet ikunu imposti fuqhom. Qal li kulħadd irid ikun aktar sensittiv lejn in-nies bħalma jagħmel hu u bħala eżempju semma li hu dejjem iħares lejn il-messaġġi tal-whatsapp u jara li jweġibhom kollha u jippretendi li kulħadd jagħmel bħalu.

Għal darb’oħra, minkejja d-disfatta li kellu f’din l-elezzjoni, Robert Abela reġa’ attakka lill-Partit Nazzjonalista u qal li hu ma jimpurtahx mill-Oppożizzjoni u jrid li “nħarsu biss lejna nfusna”. Hu reġa’ semma “l-arroganza tal-establishment” u qal li n-Nazzjonalisti jippretendu li huma verġni aktar mill-Papa.

Robert Abela qal li hu mhux marbut mas-siġġu tal-poter għax għandu professjoni u reġa’ rrepeta li d-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu jaf x’inhuma u li għandu aptit jeħodhom b’riforma interna fi ħdan il-partit u l-Gvern.

Hu ħabbar ukoll li aktar tard illejla se jkun qed ilaqqa’ l-grupp parlamentari u l-Eżekuttiv tal-Partit Laburista.