Lokali Qorti

Probation għal namrat ta’ tfajla taħt l-età għax ipparteċipa f’attivitajiet sesswali magħha

Żagħżugħ ta’ 20 sena spiċċa fl-inkwiet u tpoġġa taħt probation wara li ammetta li pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ tfajla ta’ 14-il sena. Huwa kien in-namrat ta’ din it-tfajla li spiċċa ħariġha tqila bit-tfajla iżda tgħid li ma xtaqitx tkompli bil-proċeduri kontrih għax qalet li kulma sar kien bil-kunsens tagħha.

Huwa ġie mixli li s-sena l-oħra kkorrompa u pparteċipa f’attivitajiet sesswali magħha. Quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, il-minuri qalet li hija kienet f’relazzjoni stabbli mal-imputat u qed jistennew tarbija flimkien.

Tenniet li bdew relazzjoni sesswali malli għalqet l-14-il sena u dan għax iħobbu lil xulxin. In-namrat tagħha spiċċa fl-inkwiet għaliex ipparteċipa f’attività sesswali ma’ tfajla taħt l-eta. Fil-Qorti xehdet ukoll omm il-minuri u qalet li bintha kienet waħda bilgħaqal u li kienet konxja li qed toħroġ mal-imputat.

Qalet li ma kellha l-ebda problema b’din ir-relazzjoni u ddeskriviet lill-imputat bħala bieżel u li jirrispetta lil bintha. Qalet li tqisu bħala wieħed minn uliedha, u li bintha u hu għandhom pjan li jibnu familja flimkien. Meta ġiet biex tagħti s-sentenza tagħha, il-Qorti qieset l-ammissjoni tiegħu u rat li bejniethom kien hemm differenza ta’ sitt snin.

Il-Qorti nnotat li l-att kien konsenswali u t-tnejn bi ħsiebhom ikomplu r-relazzjoni tagħha, għandhom wild flimkien u jixtiequ jkabbru l-familja tagħhom flimkien. Fuq l-ammissjoni tiegħu stess, il-Qorti sabitu ħati u poġġietu taħt ordni ta’ probation. L-Avukat Cynthia Tomasuolo f’isem l-AĠ u l-Ispettur Dorienne Tabone mexxew il-prosekuzzjoni.