Bennej ta’ 39 sena minn Birkirkara, inżamm arrestat mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace wara li ġie mixli fuq każ ta’ vjolenza domestika fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu. Fil-Qorti ħareġ li wara diversi tentattivi li jkellem lil ibnu ta’ tliet snin u li skont hu kien kollu għalxejn, huwa ċempel fuq numru mhux magħruf (unknown number) u omm it-tifel għarfitu.
Hi donk għaddiet il-mobile lit-tifel u l-akkużat qallu: “ħsibtha mhux se tweġibni dik il-minfuħa ommok.” Dan il-kliem instema’ mill-allegata vittma minħabba li l-mobile kien fuq speaker. Fil-Qorti ħareġ li l-akkużat li kellu ordni minn Qorti oħra biex ma jikkomunikax mal-eks sieħba tiegħu, kien qed jipprova jċempel lill-eks sieħba tiegħu skont hu biex ikellem lil ibnu.
Dan kien qed jagħmlu wkoll fuq Facebook Messenger imma mingħajr suċċess, għax b’kull mod li pprova jaqbad l-eks sieħba tiegħu, kienet taqagħlu. Ħareġ ukoll li bejn il-koppja hemm proċeduri pendenti fil-Qorti tal-Familja.
Saret talba mill-Avukat Difensur Lennox Vella għall-pleġġ fil-konfront tal-akkużat, liema talba sabet oġġezzjoni qawwija mill-Ispettur tal-Prosekuzzjoni Christian Cauchi. Fil-bidu tal-każ, id-difiża kkontestat il-validità tal-arrest, bil-Qorti iżda tikkonvalidha fid-dawl tal-fatt li l-akkużat injora ordni mill-Qorti biex ma jikkomunikax mal-eks sieħba tiegħu.
Fuq il-pleġġ, l-Avukat Vella qal li l-koppja għaddejja minn proċess ta’ medjazzjoni u li meta l-allegata vittma siefret, ma sabitx problema biex tħalli lit-tifel mal-akkużat. Qal ukoll li l-akkużat għandu ħafna xogħol pendenti fil-kostruzzjoni u m’għandux problemi oħra bħal teħid tad-droga.
Il-Qorti qalet li dan m’għandu x’jaqsam xejn, anke jekk l-akkużat mar biex jieħu l-fjuri lill-eks sieħba tiegħu, dan ukoll huwa ksur ta’ ordni ta’ Qorti oħra. Għaldaqstant, it-talba għall-ħelsien mill-arrest ġiet miċħuda.
//= $special ?>