Internazzjonali

Gaza: Appoġġ għar-riżoluzzjoni lejn it-tmiem tal-kunflitt… fost l-istennija għal konferma mill-Ħamas

Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti vvota biex jappoġġja riżoluzzjoni tal-Istati Uniti li sssotni l-pjan għall-waqfien tal-gwerra fil-Medda ta’ Gaza.

Il-proposta telenka l-kundizzjonijiet għal waqfien mill-ġlied sħiħ u totali u biex l-ostaġġi li ilhom ix-xhur miżmumin mit-terroristi tal-Ħamas jintbagħtu lura lejn Iżrael.

Kundizzjoni oħra tirreferi għar-ritorn tal-fdalijiet tal-ostaġġi li laħqu mietu f’kundizzjonijiet ta’ priġunerija f’Gaza u biex Iżrael jeħles numru ta’ priġunieri Palestinjani bħala parti minn skambju.

B’kollox, 14 minn fost il-15-il Stat membru tal-Kunsill tas-Sigurtà vvutaw favur ir-riżoluzzjoni mressqa mill-Istati Uniti – bir-Russja biss tastjeni.

Ir-riżoluzzjoni tistqarr li Iżrael aċċetta l-proposta għall-waqfien mill-ġlied,filwaqt li qed tħeġġeġ lill-grupp Ħamas biex hu wkoll jaqbel formalment dwar il-kundizzjonijiet ippreżentati.

Sadanittant, il-grupp  G7 magħmul mill-aktar pajjiżi sinjuri u diversi Gvernijiet ta’ Stati oħrajn qed jappoġġjaw il-pjan li kien introduċa l-President Amerikan Joe Biden, fil-31 ta’ Mejju li għadda.

Fl-istess ħin, ħadd għadu ma jaf id-dettalji kollha ta’ proposta oħra li l-Iżraeljani ressqu lill-istati Uniti — kif ukoll lill-Qatar u l-Eġittu li huma l-medjaturi fil-kunflitt ta’ Gaza. Din il-proposta tfasslet mill-Kabinett tal-Gwerra ta’ Iżrael u, sal-bieraħ, kien hemm anki diversi deputati fil-Knesset (Parlament) li wkoll ma kenux jafu d-dettalji.

Min-naħa tiegħu, il-grupp Ħamas indika li qed jappoġġja ‘partijiet mill-pjan’ u anki ħareġ stqarrija biex ‘ifaħħar’ ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.

Fl-istess ħin, il-Ħamas enfasizza d-domanda għal waqfien mill-ġlied permanenti f’Gaza u biex l-Iżraeljani jirtiraw lis-suldati kollha mit-territorju. Kundizzjoni oħra tal-Ħamas tinvolvi l-ħelsien tal-priġunieri Palestinjani li qed jinżammu fil-ħabsijiet ta’ Iżrael – bir-rappreżentanti tal-grupp jgħidu li ‘jinsabu lesti biex jikkooperaw mal-medjaturi u anki jidħu f’negozjati indiretti’.

Madankollu, it-tmexxija politika tal-grupp Ħamas, li hi bażata f’Doha, fil-Qatar, baqgħet ma weġbitx formalment għall-proposta tal-Istati Uniti; b’dan jikkonfermawh numru ta’ uffiċjali Amerikani u anki Iżraeljani.

Dan minkejja li l-proposta qed taħseb ukoll għal proġett kbir ta’ rikostruzzjoni għall-Medda ta’ Gaza li kważi nqerdet għal kollox matul ix-xhur tal-kunflitt li ilu mis-7 ta’ Ottubru.