Internazzjonali

Iċ-Ċina: Edukaturi Amerikani feruti waqt aggressjoni ‘rari’

L-awtoritajiet fiċ-Ċina qalu li se jkomplu jieħdu l-miżuri kollha neċessarja biex jaċċertaw li l-barranin fil-pajjiż jgħixu fil-kwiet u s-sigurtà wara li raġel ta’ 55 sena aggredixxa lil erba’ edukaturi  — jew instructors — Amerikani li kienu f’park għall-pubblika u ferihom b’daqqiet ta’ sikkina.

L-inċident, fil-provinċja ta’ Jilin, qed jitqies bħala attakk rari fuq il-barranin, bil-pulizija qed tinvestiga ċ-ċirkustanzi.

Dan ukoll waqt li l-awtoritajiet lokali qed jinsistu li dan kien biss każ iżolat u li ċ-Ċina hi ‘fost l-aktar pajjiżi sikuri fid-dinja’.

L-instructors feruti, ilkoll assoċjati ma’ Cornell College, fl-Istat Amerikan ta’ Iowa, ittieħdu l-isptar għall-kura dritt wara l-attakk u meta sar magħruf li ħadd minnhom ma jinsab f’periklu tal-mewt.

Jidher li l-inċident fil-park beda wara argument bejn ir-raġel u wieħed mill-instructors li spiċċa attakkat b’sikkina. Intant, l-aggressur, imbagħad, anki spiċċa jferi lit-tlett instructors oħrajn flimkien ma’ turist Ċiniż li kien għaddej mill-inħawi u li intervjena biex isalva lill-Amerikani.

L-erba’ Amerikani , fil-fatt, kienu attakkati ftit wara li huma żaru tempju fil-Park ta’ Beishan. L-edukaturi jinsabu fiċ-Ċina bħala parti minn programm ta’ skambju bejn l-għalliema ta’ Cornell Collegue u l-Università (Ċiniża) ta’ Beihua — biċ-Ċina tisħaq li l-inċident mgħandux jaffettwa ‘dawn l-iskambji normali’ mal-Istati Uniti.