“Qed iwaħħal f’kulħadd minbarra fih innifsu – m’għandux strateġija jew leadership”
Robert Abela farfar it-tort tar-riżultat elettorali fuq kollox u fuq kulħadd minbarra fuqu nnifsu.
Hekk sostnew sorsi interni tal-Partit Laburista mal-gazzetta MaltaToday hekk kif ġie spjegat li Abela ta ħasla lill-Ministru Roderick Galdes waqt il-laqgħa tal-Eżekuttiv u l-Grupp Parlamentari tat-Tnejn filgħaxija.
Jidher li Abela ħadha kontra l-Ministru Galdes minħabba l-iskandlu tal-Housing fis-Siġġiewi u b’korla kbira saħaq li Galdes kien imdawwar b’persuni inkompetenti.
L-istess sorsi, però, filwaqt li ammettew li Galdes mhux l-aktar ministru kompetenti fosthom, kien l-istess Robert Abela li tah ir-responsabbiltà tal-Housing Soċjali.
Waqt l-istess laqgħa, Abela attakka b’mod dirett lill-amministrazzjoni Laburista u qalilhom li mhux qed iħossu l-polz tal-membri u l-kumitati tal-Partit – u kien proprju f’dan il-waqt li Daniel Micallef qam u ddeċieda li kien se jirriżenja.
L-istess sorsi saħqu li Micallef tul il-kampanja kien kemxejn ineżistenti għax aktar moħħu fix-xogħol professjonali tiegħu milli fil-Labour, bil-Kap Eżekuttiv Randolph De Battista mhux jikkomunika sew mal-kumitati… u l-President Ramona Attard għandha ftit li xejn impatt.
Ingħad ukoll li l-Prim Ministru saħaq li l-Gvern irid iħares lejn iż-żieda fil-popolazzjoni u l-ambjent, madanakollu allegatament stqarr ukoll li l-inkjesta tal-isptarijiet waslet għal din l-emoraġija ta’ voti.
Iżda fil-verità, l-istess sorsi saħqu li Abela ħalliehom konfużi ħafna hekk kif kien hu stess li qalilhom biex jattakkaw lill-ġudikatura. Huma saħqu li l-attakki fuq il-ġudikatura u n-nuqqas ta’ strateġija fuq il-Vitals jaf tellfithom il-voti.
“Aġir tipiku ta’ Abela, mingħajr ebda strateġija. Iwaħħal fl-Inkjesta Vitals u ma jerfa’ ebda responsabbiltà fuqu nnifsu. Ħalla lil Muscat jippontifika u jerġa’ jiġbed is-simpatija tal-hardcore, li Abela nnifsu mhux xi favorit magħhom, u issa mhux jammetti li tort tiegħu? Kif jista’ jkun li l-Ministru tal-Ġustizzja jitħalla jikkritika b’dak il-mod lill-Avukat Ġenerali?”
Dan filwaqt li l-Ministru fl-aħħar xhur kienu qed jispiċċaw paralizzati bil-u-turns li kien qed iwettaq ta’ sikwit il-Prim Ministru.
“L-aktar Ministri kompetenti qed jibżgħu jieħdu deċiżjoni għaliex meta jħossu li għandhom is-sostenn ta’ Robert Abela… mhux ċerti jekk il-Mexxej hux se jerġa’ jibdielu jew le”
Madanakollu, waqt il-laqgħa jidher li ħadd ma azzarda jikkritika lill-Prim Ministru hekk kif ġie spjegat li dan għamluh jew għax għandhom il-kapaċitajiet limitati ħafna jew inkella għax qatgħu qalbhom jikkritikaw l-ovvju.
Sors ieħor li tkellem mal-MaltaToday saħaq li Robert Abela għandu nuqqas kbir ta’ leadership, nuqqas ta’ strateġija, nuqqas ta’ teamwork u assenza totali tal-Partit fil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.
Dan, filwaqt li ġie spjegat li l-Labour qed jistenna li fil-jiem li ġejjin se jitlef diversi kunsilli lokali.
//= $special ?>