Lokali Parlament

Il-mudell ekonomiku bbażat fuq il-ħaddiema barranin mhux qed ikun sostenibbli għall-ekonomija


Ivan J. Bartolo, PN


Id-deputat Nazzjonalista Ivan J. Bartolo sostna li l-mudell ekonomiku bbażat fuq il-ħaddiema barranin mhux qed ikun sostenibbli għall-ekonomija.


Fil-Parlament, Ivan J. Bartolo qal li l-pajjiż għandu bżonn gvern li jippjana għall-futur u agwura li l-Prim Ministru jżomm kelmtu dwar ir-realiżmu li issa qed jitkellem dwaru.


Hu kompla li l-pajjiż għandu jieħu ħsieb lil dawk li ma jridux jivvutaw fl-elezzjonijiet. Fl-aħħar elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-PL ġab 117,000 vot li jammonta għal 45% ta’ dawk li vvutaw u jammonta għal 31.8% ta’ dak li setgħu jivvutaw. Fl-istess ilma jinsab il-PN, sostna Ivan J. Bartolo, li kompla li l-poplu qed jitlef l-interess għax mhux qed iħossu parti mill-politika.


Id-deputat Nazzjonalista qal li fil-pajjiż hawn 305,218 ħaddiem impjegat mill-popolazzjoni ta’ bejn is-16 u l-65 sena. Dan jammonta għal 64.4% tal-popolazzjoni li tista’ taħdem. Hawn biss 1.9% tal-ħaddiema bla xogħol, iżda n-nies li jistgħu jaħdmu u mhumiex f’impjieg jammontaw għal 159,000; 33.7%. Hu appella biex flok tikber il-popolazzjoni jsiru inċentivi biex dawn in-nies jiddaħħlu fix-xogħol.


Il-popolazzjoni ta’ Malta bħalissa hi 530,000 li minnhom hemm 57% jaħdmu. Dan juri li għal kull persuna li taħdem hawn persuna li ma taħdimx. Jirriżulta li 40% tan-nies li jaħdmu għandhom livell baxx ta’ edukazzjoni. Dan ma jawgurax tajjeb għall-investiment barrani fil-pajjiż, sostna Ivan J. Bartolo, li kompla li n-negozjant Malti mhux ikun megħjun b’din is-sitwazzjoni.


Hu kompla li l-popolazzjoni se tkompi tiżdied b’10,000 kull sena sal-2027; li jfisser li din se terġa’ tikber b’41,000 sa tmien din il-leġiżlatura. Il-poplu qed juri li qed jiddejjaq bl-impatt taż-żieda fil-popolazzjoni minħabba l-mudell ekonomiku.


Dan il-mudell qed iwassal biex id-dħul tal-gvern mhux iħalli l-ammonti neċessarji għas-sostenn tal-ekonomija. Hu spjega kif il-ħaddiema barranin mhux iħallu biżżejjed kontribuzzjonijiet għas-sostenibbiltà tal-ekonomija; anki jekk dawn jaqilgħu sa €1,000 fix-xahar. Il-gvern ħaffer ħofra fin-negozju għaliex issa ma jistax ikun hemm bidla immedjata minn dan il-mudell ekonomiku.


Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar il-mudell ekonomiku li joffri impjiegi ta’ kwalità għall-ħaddiema u ż-żgħażagħ Maltin. Jeħtieġ li l-gvern jaqla’ iktar flus għaliex id-dejn qed jikber u se jkompli jikber fejn hemm anki roll over bonds tal-gvern. Hu staqsa minn fejn il-gvern se jġib il-flus biex isostni l-investimenti meħtieġa fl-edukazzjoni, fis-saħħa u fl-infrastruttura u qal li allaħares in-negozji kellhom jaħdmu kif qed jaħdem il-gvern.


Id-deputat Nazzjonalista kompla li f’sena kien hemm żieda ta’ ta’ 1,000 ħaddiema fl-agrikoltura u s-sajd, żieda fil-manifattura ta’ 2000 ħaddiem, fil-kostruzzjoni kien hemm żieda ta’ 1,235 ħaddiem, fl-ospitalità kien hemm żieda ta’ 4,115 ħaddiem u fl-informazzjoni u t-teknika kien hemm żieda ta 1,598 ħaddiem. Fis-setturi tal-finanzi u tal-professjonisti kien hemm tnaqqis ta’ 108 ħaddiem. Dan juri li mill-10,500 li żdiedu, kien hemm 8,500 (81%) f’impjegi li jħallsu l-inqas.