Joe Giglio, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Joe Giglio qal fl-Aġġornament tal-Parlament li l-pajjiż ma jiflaħx iktar l-effetti negattivi tal-mudell ekonomiku bbażat fuq l-importazzjoni tan-nies.
Joe Giglio qal li qed isir evidenti li jittieħdu azzjonijiet konkreti biex it-traġedja fit-toroq u fit-traffiku u l-ambjent ikunu indirizzati. Jeħtieġ pjan ekonomiku differenti b’viżjoni li ma jkomplix iġib fuqu l-konsegwenzi li qed isiru.
Il-pajjiż ma jiflaħx iktar għal żidiet straordinarji bla pjan u bla direzzjoni fuq il-popolazzjoni għaliex dan qed iġib problemi kbar fuq l-infrastruttura, l-iskejjel u l-isptarijiet. Jeħtieġ li b’mod immedjat għandu jibqa’ jkun ikkunsidrat pjan ekonomiku differenti bbażat fuq niċeċ ekonomiċi ġodda.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-problema tat-traffiku ma ssolvietx u sostna li s-sitwazzjoni tat-traffiku qed tmur għall-agħar.
Il-pajjiż għandu bżonn viżjoni ġdida dwar it-traffiku, sostna Joe Giglio, li kompla li l-bidla fil-mudell ekonomiku hi prijorità. Hawn ċertu setturi li għandhom bżonn ħaddiema barranin iżda ma jistax ikun li l-ekonomija Maltija tibqa’ titkabbar b’dan il-mod biss. Din il-problema qed toħnoq l-infrastruttura tal-pajjiż tant li issa anki t-toroq li jkunu saru qed jerġgħu jinqalgħu.