Lokali

“Il-qerq idejjaq lil kull min hu onest” – l-Eks MEP Laburista Marlene Mizzi

“Il-qerq idejjaq lil kull min huwa onest. Ipprova jieħu mitt vot bil-qerq u minflok tellef lill-partit 1,000 vot ta’ min hu ġenwin u onest.”

Hekk iddikjarat l-Eks MEP Laburista Marlene Mizzi permezz ta’ kumment fuq Facebook wara li nhar il-Ħadd li għadda sar magħruf li d-distakk bejn iż-żewġ partiti niżel għal ftit aktar minn 8,000 vot – minn 42,000.

Minkejja li ma semmiet ebda ismijiet, jidher ċar illi l-Eks MEP Laburista Marlene Mizzi kienet qed tirreferi għall-Ministru Roderick Galdes wara li fil-kampanja ġie żvelat li fir-reġistru elettorali tfaċċaw 99 persuna rreġistrati fuq binja tal-housing fis-Siġġiewi li kienet għadha mhix lesta – kif jixhdu numru ta’ filmati miġbuda minn Net News.

Eventwalment, kien il-Partit Nazzjonalista li fetaħ 99 kawża sabiex jiġi kkoreġut l-indirizz ta’ kull persuna; bil-Partit Nazzjonalista rebaħ kull kawża li nstemgħet quddiem 22 Maġistrat. U għalhekk il-kawżi kkonfermaw li sar frodi elettorali.

Il-każ kien jinvolvi kważi 100 vot fis-Siġġiewi – eżatt bħan-numru li irreferiet għalih Marlene Mizzi fil-post tagħha, fejn insistiet li dan huwa biss “qerq”.

Minn dawn il-kawżi li ressaq il-PN, 73% tal-persuni li spiċċaw irreġistrati fuq din il-binja tal-housing fis-Siġġiewi kienu ġejjin minn tliet lokalitajiet li jaqgħu taħt id-distrett ta’ ħadd ħlief il-Ministru Roderick Galdes li huwa responsabbli mill-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli.

L-Eks MEP Laburista Marlene Mizzi sostniet li l-Partit Laburista tilef 1,000 vot biex ipprova jiggwadanja 100 vot. B’diversi persuni indikaw li din il-mossa saret sabiex il-Partit Laburista jżomm il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi b’kull mezz possibbli.

Intant, l-eżitu tal-votazzjoni li saret għall-Kunsill tas-Siġġiewi se jkun magħruf nhar il-Ġimgħa li ġej meta jsir il-proċess tal-għadd tal-voti fin-Naxxar.