Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li qabbad il-karozza tal-eks sieħba tiegħu

Ragel ta’ 35 sena min-Naxxar u li jaħdem bħala tapizzar, wieġeb mhux hati li ħaraq il-karozza tal-eks sieħba tiegħu wara li ma ħallitux jara lil bintu ta’ età tenera. Fil-Qorti ħareġ li fis-6 ta’ Ġunju, Debono nqabad minn filmati tas-sigurtà tal-akkwata ta’ Sqaq il-Kubrit, fil-Ħamrun.

Huwa deher miexi b’kontenitur u jqabbad il-karozza tal-allegata vittma li hi rreġistrata fuq missierha. Fuq il-pedana tax-xhieda, l-Ispettur Mario Sciberras qal li għaraf lill-imputat fil-filmati tas-CCTV. Tenna li l-akkużat hu magħruf mal-Pulizija minħabba każijiet fil-passat u b’hekk ukoll li kiser il-kundizzjonjiet tal-ħelsien mill-arrest wara li kien jinsab barra fil-ħin tal-allegat reat.

Il-Prosekuzzjoni kompliet tghid li fit-31 ta’ Mejju u fil-ġranet ta’ wara, huwa bagħat messaġġi lill-eks sieħba tieghu, b’wieħed minnhom jgħid “Ha tibqa’ ddaħħak u ma turinix it-tifla…” Għat-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest, il-prosekuzzjoni opponiet għaliex qalet li hemm il-biża’ ta’ kontaminazzjoni tal-provi  u li jwettaq reat ieħor.

Id-difiża qalet minn naħa tagħha li qed titlob il-ħelsien mill-arrest b’mod speċjali ghaliex l-akkużat jieħu ħsieb lil ibnu ta’ 13-il sena minn relazzjoni oħra wara li omm it-tifel għażlet li tabbandunah.  Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, ċaħdet it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest u laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni għal ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma u l-familjari tagħha.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukat Joseph Camilleri Azarov f’isem l-Avukat Generali flimkien mal-Ispettur Mario Sciberras.  Ghall-akkużat deher l-avukat Roberto Spiteri.