Lokali

Kandidat Laburista jgħid li ħallewh waħdu

Hemm ħafna nies qed ibatu u mhux ilaħħqu. Ħudu nota. L-ilmenti wassalthom internament għal sentejn sħaħ, inħlibt naqdi n-nies waħdi.

Hekk iddikjara l-kandidat Laburista Clint Azzopardi Flores permezz ta’ post fuq il-media soċjali, fejn stqarr li hu biss għadu, u se jibqa’ jaħdem għaż-żgħir – botta indiretta lejn it-tmexxija ta’ Kastilja.

Din il-post fuq facebook wasal jum biss wara li Azzopardi Flores ma ġiex elett bħala membru tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Labursita, hekk kif dan tilef ir-raba’ siġġu.

Azzopardi Flores spjega kif in-nies mhux ilaħħqu mal-ħajja minħabba li l-effett tal-għoli tal-ħajja għadu qed jinħass sew – b’impatt dirett fuq in-nies.

Dan huwa proprju l-oppost ta’ dak li baqa’ jgħidlu l-Prim Ministru Robert Abela tul il-kampanja, fejn baqa’ distakkat min-nies. L-istess bħall-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri.

Azzopardi Flores semma’ wkoll kif in-nies ilmentaw dwar l-isptar u l-operazzjonijiet u qal li l-anzjani  kissruhom jistennew bejn 5 u 6 snin bl-uġigħ. Addio ‘Acitve Ageing’, kiteb Azzopardi Flores.

Dwar is-settur tas-saħħa, Azzopardi Flores kiteb ukoll li qed jaslu mediċini fil-POYC li ma jaqblux ma’ min ikun se jeħodhom – xi ħaġa li l-PN ilu jgħid għal snin twal u l-Gvern ta’ Abela baqa’ jinjora.

Il-kandidat Laburista tkellem dwar l-eluf ta’ barranin li l-Labour daħħal f’Malta; xi ħaġa li qal li se jelabora aktar fuqha fil-jiem li ġejjin.

Clint Azzopardi Flores qal li għad fadallu 63 każ pendenti minn madwar 500 każ li solvihom waħdu.