Lokali Parlament

Nuqqasijiet minn Sport Malta fix-shooting range saru għax ma kinux jafu kif jagħmlu l-affarijiet


Il-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima ġġustifika n-nuqqasijiet li wettqet Sport Malta fil-proġett tax-shooting range f’Ta’ Kandja li sewa €13-il miljun għax Sport Malta ma kinux għadhom jafu kif isiru l-affarijiet.


Il-Ministru Clifton Grima kien qed jixhed quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) li qed jiddiskuti r-rapport tal-Awditur Ġenerali (NAO) dwar ix-shooting range.


Il-PAC kien presedut mid-deputat Nazzjonalista Darren Carabott u għall-Oppożizzjoni pparteċipaw id-deputati Nazzjonalisti David Agius, Graham Bencini u Claudette Buttigieg, waqt li għall-gvern ipparteċipaw id-deputati Laburisti Andy Ellul, Alex Muscat, Amanada Spiteri Grech u Davina Sammut Hili.


Il-Ministru Clifton Grima qal li l-mistoqsijiet pertinenti dwar dan il-proġett iridu jsiru lill-Awtorità u żied li kien wieġeb mistoqsija parlamentari dwar in-nefqa ta’ €11.3 miljun. Hu qal li r-rapport tal-NAO wera li dak li kien l-ewwel proġett ta’ dik il-portata minn Sport Malta, li issa tgħallmet ħafna minn dak il-proġett.

Awditjar li sar wara jikkonferma li llum l-istess entità hi attrezzata aħjar dwar dak li kien indikat fir-rapport tal-NAO dwar ix-shooting range.

Il-Ministru Clifton Grima kompla li Sport Malta evolviet ħafna u qal li hu kien konxju li kien hemm arbitraġġ dwar kwistjoni ta’ kumpens. Il-Ministru Grima tkellem dwar il-ftehim ta’ medjazzjoni dwar kemm ġiet tiswa x-shooting range, iżda qal li ma kellux iċ-ċifri quddiemu dwar dan il-kumpens.


Id-deputat Nazzjonalista Darren Carabott reġa’ staqsa kemm ġiet tiswa x-shooting range u kemm kien l-ammont li dwaru ntlaħaq ftehim mal-kuntrattur. Jirriżulta li l-Ministru Grima ma weġibx mistqosijiet parlamentari dwar kemm kien l-ammont li dwaru kien hemm qbil ta’ kumpens biex il-kuntrattur jirtira l-ilment ma’ Sport Malta. Il-Ministru Grima reġa’ ma weġibx din il-mistoqsija.


Dwar il-fatt li ma nżammux kopji tal-irċevuti tal-infiq minn Sports Malta fix-shooting range, il-Ministru Grima qal li l-NAO wieġeb li d-dokumentazzjoni waslet għand l-NAO. Il-Ministru Grima qal li Sport Malta kibret u evolviet u ammetta li Sport Malta ma kinitx attezzata biex twettaq dawn it-tip ta’ proġetti.


Jirriżulta li l-irċevuti waslu wara talba mill-NAO u Sport Malta ipprovdiethom biss wara din it-talba. Jirriżulta wkoll li l-persuna responsabbli ma kellux dawn l-irċevuti u beda jiġborhom wara li saret din it-talba. Il-Ministru Grima wieġeb biss li ma kienx se jmeri r-rapport tal-NAO u qal li l-fatti huma li l-pajjiż ospita t-Tazza tad-Dinja.


Mistoqsi dwar ir-raġunijiet wara l-fatt li ntefaq €1 miljun iktar fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar u €4 miljun iktar fil-Cottonera Sports Complex, il-Ministru Grima qal li l-varjazzjonijiet jirriżultaw minħabba bidliet fl-infiq fil-proġetti iżda dawn saru kollha skont il-liġi.

Il-kumitat aġġorna għal iktar xhieda l-ġimgħa d-dieħla.