Accounts Clerk ta’ 40 sena minn Ħal Tarxien ingħata probation għal perjodu ta’ tliet snin wara li ammetta li xerred ritratti intimi tal-eks sieħba tiegħu u dan wara li daħal id-dar tagħha u mess sidirha kontra l-volontà tagħha.
Huwa mifhum li l-koppja għamlet żmien f’relazzjoni ta’ “on and off”. Mal-Pulizija l-vittma qalet li l-eks sieħeb tagħha ma setax jaċċetta li r-relazzjoni ta’ bejniethom intemmet. Qalet ukoll li hu mar għandha diversi drabi biex jerġa’ jirranġa r-relazzjoni ta’ bejniethom.
Huwa mifhum li wara diversi tentattivi, fit-8 ta’ Ġunju rnexxielu jidħol f’darha u wettaq atti ta’ natura sesswali fuqha mingħajr il-kunsens tagħha. Hu xerred ukoll ritratti intimi tal-vittma li kienu ntbagħtu lilu meta kien f’relazzjoni magħha.
Fid-dawl tal-ammissjon tiegħu, il-Magistrat Yana Micallef Stafrace sabet lill-akkuzat ħati u poggietu taħt probation order u ordni ta’ trażżin għal perjodu ta’ tliet snin. Hi wissietu wkoll biex ma jersaqx lejn il-vittma għax jekk jagħmel hekk se jispiċċa l-ħabs.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukat Jurgen Dalli f’isem l-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Christian Cauchi. Għall-akkużat deher l-avukat Joe Giglio.
//= $special ?>