24 siegħa wara li l-Partit Laburista spiċċa jħabbat wiċċu ma’ realtà ta’ riżultat elettorali ta’ tnaqqis drastiku fil-voti – Robert Abela, mingħajr ebda tlaqliq fuq il-midja Laburista, saħaq li jridu jsiru numru ta’ tibdiliet, u fost oħrajn farfar parti mir-responsabbiltà ta’ dan ir-riżultat fuq il-ħaddiema taċ-ċivil.
Waqt intervista li saritlu, Abela sostna li fl-aħħar xhur il-Gvern kien għaddej b’ħidma ġmiela u impenn.
Iżda filwaqt li huwa sodisfatt bin-nies tiegħu, jew aħjar dak li ddeskriva bħala t-top tier, bħal donnu ma jistax jgħid l-istess għall-ħaddiema tal-Gvern. Hu insista li kull min jaħdem fi struttura tal-Gvern mhux qiegħed hemm għal Cushy Job. Dan filwaqt li heddidhom li se jkunu qed jiġu sfurzati xi deċiżjonijiet.
Bla ebda sinjal ta’ umiltà wara tnaqqis kbir fil-fiduċja mill-elettorat, Abela kompla jinsisti li l-ħaddiema taċ-ċivil iridu jżommu r-ritmu tat-top tier. Jiġifieri tiegħu u ta’ sħabu f’Kastilja.
Mistoqsi dwar dan kollu aktar tard filgħaxija quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-Mexxej tal-Labour insista mal-ġurnalisti li d-domandi kienu qed ikunu partiġjani. Dan għaliex hu ġie mistoqsi għalfejn qed ifarfar fuq il-ħaddiema taċ-ċivil u għal darb’oħra reġa’ ta x’jifhem li qed jhedded l-għixien ta’ dawn il-ħaddiema, hekk kif qalilhom “jafu x’għandhom jagħmlu”.
Bosta kkritikaw tali diskors min-naħa ta’ Abela fejn saħqu li dan ix-xogħol tal-ħaddiema tal-Gvern ċertament ma affettwawx ir-riżultat politiku hekk kif huma jservu lill-pajjiż u mhux lill-partit.
Oħrajn saħqu li jidher li bħalissa t-tort tar-riżultat huwa “ta’ kulħadd barra ta’ Abela” fejn qabbluh ma’ tifel żgħir. Dan filwaqt li ħaddieħor stqarr li, li kieku l-Labour kiseb maġġoranza tajba donnu din il-kritika ma kienet se ssir qatt… u kollox jibqa’ business as usual.
Kien hemm ukoll min għamel referenza għal Għawdex, b’diversi partitarji Għawdxin qed ifakkru li hemm tliet Ministri li ma jiswew għalxejn. Tant li l-Labour spiċċa tilef il-maġġoranza li kellu f’Għawdex; żgur mhux tort tal-ħaddiema tal-Gvern.
//= $special ?>