Lokali

AĠĠORNATA: Robert Abela jipprova jiddevja l-attenzjoni wara r-riżultat elettorali

Il-Partit Laburista tilef il-maġġoranza assoluta – bid-distakk bejn iż-żewġ partiti jinżel għal ftit aktar minn 8,400 vot. Issa, Abela u sħabu qed jippruvaw jaraw x’mar żmerċ; bil-pressjoni fuqu tkompli tiżdied.

Iżda quddiem din ir-realtà ta’ kollass fil-partit tiegħu stess… u quddiem ir-realtà ta’ sitwazzjonijiet difficli li qed jaffaċċja l-pajjiż… skont Robert Abela, in-nies ma vvotawx fost oħrajn minħabba d-drittijiet tan-nisa.

Mistoqsi aktar tard minn Net News x’ried jgħid biha din id-dikjarazzjoni, Abela bla tlaqlieq saħaq li jrid jiftaħ id-diskussjoni dwar l-abort.

Allura – fi kliem semplici – b’reazzjoni għal riżultat bħal dak tas-Sibt, Abela issa jrid jiftaħ beraħ għall-eventwalità tal-qtil tat-tarbija fil-ġuf. B’diversi analisti politici jgħidu li din hija biss “aljenazzjoni” biex il-Mexxej tal-Labour jiddevja minn fuq il-problema vera!

Intant, minkejja li tilef siġġu, il-maġġoranza f’Għawdex u l-maġġoranza assoluta, jidher li Abela beża’ jieħu vot ta’ fiduċja fil-Grupp Parlamentari tiegħu.

Mistoqsi hux lest jieħu vot ta’ fiduċja, anke fl-eventwalità ta’ riżultat ħażin fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali – Abela baqa’ jsabbat saqajh u jgħid li l-vot ta’ fiduċja jagħtih l-elettorat – biża’ ċara li xi ħadd minn ta’ madwaru jista’ jittradih.

Il-ġurnalisti preżenti staqsew lill-Prim Ministru jekk hux se jkun qiegħed jieħu passi fil-konfront ta’ xi ħadd jew jekk hux se naraw tibdil fil-Kabinett. Abela tenna l-fiduċja fit-tim tiegħu.

Intant, aktar kmieni l-uffiċjal tal-Gvern u l-Eks Segretarju Ġenerali Jason Micallef insista li l-Labour taħt Robert Abela warrab numru ta’ nies b’mod sistematiku f’kull livell tal-Partit – fatt li l-Leader Laburista qed jinjorah.

Finalment Abela kompla bin-narrattiva li żamm tul dawn l-aħħar ġimgħat; l-attakk fuq il-Maġistrat Gabriella Vella u jipprova jwerwer lil niesu mill-babaw fittizzju li ħoloq hu… dak tal-establishment.