Lokali Parlament

Wara l-attakk fuqhom minn Robert Abela, il-ħaddiema tal-gvern għandhom jibqgħu jaħdmu b’lealtà


Ivan Castillo, PN


Id-deputat Nazzjonalista Ivan Castillo sostna fil-Parlament li wara l-attakk fuqhom minn Robert Abela, il-ħaddiema tal-gvern għandhom jibqgħu jaħdmu b’lealtà.


Ivan Castillo tkellem dwar l-importanza li l-gvern jindirizza n-nuqqasijiet fil-ħiliet tal-ħaddiema Maltin u spjega kif il-PN diġà nieda l-pjan ekonomiku li parti minnu jiffoka kif se jkun indirizzat is-settur tax-xogħol. Hu qal li l-PN qed jiffoka fuq il-kwalità flok fuq il-kwantità fejn il-PN nieda 10 setturi ġodda ta’ impjiegi.


Hu appella biex jitwaqqaf kunsill dwar il-ħiliet li jkun qed jaħdem mal-gvern biex il-pajjiż ikollu ħaddiema mħarrġa biex jattira investiment barrani.


Jirriżulta li hawn 81% mill-ħaddiema barranin ma jħallsux taxxa, li jfisser li dawn għandhom impjiegi li jrendux biżżejjed dħul. Il-pajjiż m’għandux biżżejjed infurzar biex ikun speċifikat dwar kemm hawn ħaddiema regolari u ħaddiema illegali.


Din għandha tkun prijorità speċjalment wara t-traġedija ta’ Jean Paul Sofia. L-iskill cards huma essenzjali iżda dawn għandhom ikunu effettivi u ma jitwaqqfux jekk ikunu qed jurtaw lil xi operati. Anki l-MDA huma favur l-iskill cards, sostna Ivan Castillo, li kompla li l-gvern m’għandux jappoġġja lill-cowboys li jarmu lill-ħaddiema meta dawn iweġġgħu fuq il-post tax-xogħol.


Ivan Castillo kompla li fil-pajjiż għad hawn ammont kbir ta’ prekarjat fil-pajjiż li ħadd mhu jagħti kasu. Jeħtieġ li l-ħaddiema jibqgħu jitħarrġu fl-impjiegi biex itejbu l-opportunitajiet tagħhom.


Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern m’għandux viżjoni ekonomika fis-settur tax-xogħol fil-pajjiż u għalhekk il-ħaddiema ma jistgħux itejbu l-pożizzjoni tagħhom għax ma jafux fejn sejra l-ekonomija Maltija. Jeħtieġ li l-pajjiż jinvesti fil-ħaddiema li jridu jibdlu l-impjiegi biex dawn ikattru l-ħiliet tagħhom. Il-pajjiż għandu jiddiversifika u joħloq settur ġodda biex l-aqwa talenti jinżammu fil-pajjiż.


Ivan Castillo irrifera għad-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru li tefa’ r-responsabbiltà fuqhom għar-riżultat elettorali tal-PL fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Hu qal li fl-EXPO, l-istess Robert Abela faħħar lill-ħaddiema tas-settur pubblika iżda qed jintimda lill-istess ħaddiema u jwaħħal fihom. Id-deputat Nazzjonalista appella lill-ħaddiema tas-settur pubbliku biex ikomplu jaħdmu bid-dedikazzjoni tagħhom għall-ġid tal-pajjiż.