- Aġir kriminali: Miljuni ta’ Ewropej jaraw avvenimenti sportivi illegalment u jixtru tagħmir tal-isport falz li jiswa €850 miljun lill-manifatturi
- 4% taż-żgħażagħ Maltin minn 15-24 sena xtraw intenzjonalment tagħmir tal-isport falz online
- L-awtoritajiet tal-pulizija madwar l-Ewropa identifikaw u kkonfiskaw 8 miljun oġġett tal-isport u ta’ lussu kontrafatt b’valur ta’ bejgħ bl-imnut stmat ta’ €120 miljun
- Hekk kif jibdew l-avvenimenti sportivi globali, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-UE (EUIPO) qed iniedi kampanja “Play Fair”(Ilgħab b’Mod Ġust), li tħeġġeġ lill-partitarji jaraw ix-xandiriet uffiċjali u jixtru merkanzija awtorizzata
Din is-sena, l-Ewropa hija l-epiċentru tal-avvenimenti kollha relatati mal-isport. Id-dinja qed tħejji biex tara goals spettakolari matul l-UEFA EURO 2024, ritratti tat-tmiem it-tellieqa tat-Tour de France u l-mumenti ta’ rebħ ta’ midalji tad-deheb fil-Logħob Olimpiku u Paralimpiku f’Pariġi.
Iżda hekk kif l-Ewropej qed iħejju lilhom infushom biex isegwu xandiriet tal-akbar avvenimenti sportivi, miljuni minnhom jistgħu jagħmlu dan illegalment. Skont studju li twettaq mill-EUIPO dwar il-perċezzjoni, is-sensibbilizzazzjoni, u l-imġiba taċ-ċittadini tal-UE, 12 % taċ-ċittadini tal-UE kienu aċċessaw jew għamlu streaming ta’ kontenut minn sorsi illegali biex jaraw l-isport. Fir-rigward taż-żgħażagħ ta’ bejn il-15 u l-24 sena, aktar minn kwart (27 %) jammettu li jużaw kanali online illegali biex jaraw l-isport.
Avvenimenti kbar, opportunitá kbira għal frodi
Minbarra d-drittijiet tax-xandir involuti f’avvenimenti sportivi ewlenin, il-proprjetà intellettwali (IP) tinsab kullimkien – miċ-ċrieki tal‑Olimpjadi ikoniċi u l-ismijiet u x-xebh tal-aqwa atleti, sal-ilbies sportiv tal-kompetituri u l-maskots u s-suvenirs uffiċjali tal-avvenimenti.
Iżda fejn hemm il-flus u miljuni ta’ spettaturi u konsumaturi, hemm ukoll opportunità biex il-frodaturi jagħmlu profitt. L-istreaming online illegali jaffettwa t-tipi kollha ta’ kontenut – inklużi l-avvenimenti sportivi – u l-EUIPO stima li l-piraterija fit-tipi kollha ta’ media tiġġenera €1 biljun fi dħul illegali kull sena.
Il-problema tal-piraterija ta’ avvenimenti diretti hija waħda eżistenzjali għall-finanzjament tal-isport. Id-dħul iġġenerat permezz tad-drittijiet tal-IP jiġi distribwit mill-ġdid lill-moviment sportiv u lill-atleti fuq il-bażi ta’ solidarjetà.
Skont l-EUIPO, minbarra x-xandir sportiv, is-settur tat-tagħmir tal-isport fl-UE jintlaqat minn €850 miljun f’bejgħ mitluf fis-sena. Din iċ-ċifra ma tinkludix ilbies tal-isport bħal flokkijiet tal-futbol foloz u żraben tal-isport foloz, li jirrappreżentaw porzjon sinifikanti mill-istima kumplessiva ta’ EUR 12-il biljun f’ilbies kontrafatt fl-Ewropa kull sena.
Kważi nofs iż-żgħażagħ jagħmlu streaming ta’ sport illegalment f’xi pajjiżi
L-iStudju tal-EUIPO dwar il-perċezzjoni tal-IP żvela xejriet sinifikanti rivelati fl-Unjoni Ewropea kollha relatati mal-piraterija online ta’ avvenimenti sportivi diretti, fejn 12% tal-popolazzjoni totali aċċessaw jew għamlu streaming ta’ kontenut minn sorsi online illegali biex jaraw l-isport.
Fl-UE, din il-prattika hija l-aktar komuni fil-Bulgarija fejn 21% tat-total tar-rispondenti jammettu li kienu użaw sorsi online illegali biex jaraw l-isport, segwiti mill-Greċja (20%), l-Irlanda (19%), Spanja (19%) u l-Lussemburgu (18%).
Skont l-istudju, ċittadini iżgħar fl-età ta’ bejn il-15 u l-24 sena kienu darbtejn aktar mill-popolazzjoni totali li rrappurtaw aċċess illegalment ta’ avvenimenti sportivi online. L-istreaming sportiv illeċitu huwa x’aktarx l-aktar fost iż-żgħażagħ Bulgari b’47%, li huwa ferm ogħla mill-medja tal-UE ta’ 27%, segwiti minn Spanja (42%) u l-Greċja (42%), is-Slovenja (39%) u l-Irlanda (34%).
Skont l-istudju tal-EUIPO dwar il-ksur tad-drittijiet tal-awtur online, l-istreaming huwa l-aktar metodu popolari għall-aċċess ta’ kontenut televiżiv illeċitu – 58% tal-piraterija fl-UE sseħħ permezz ta’ streaming u 32% permezz ta’ tniżżil.
Oġġetti tal-isport falsfikati: Problema ta’ €850 miljun
Skont it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Proprjetà Intellettwali u ż-Żgħażagħ tal-EUIPO, medja ta’ 10% taż-żgħażagħ tal-UE ta’ bejn il-15 u l-24 sena jammettu li xtraw tagħmir tal-isport falz intenzjonalment, u dan kien l-aktar komuni fost iż-żgħażagħ Griegi – bi 18% minnhom li għamlu dan. Min-naħa l-oħra, 7% tal-konsumaturi żgħażagħ Ewropej xtraw oġġetti kontrafatti bi żball.
Skont il-kalkoli tal-EUIPO, l-impatt ta’ dan il-bejgħ ta’ oġġetti falsifikati fl-UE huwa sostanzjali, u jikkawża telf totali stmat ta’ €851 miljun fis-sena – ekwivalenti għal 11% tal-bejgħ totali fis-settur. Franza, l-Awstrija u n-Netherlands jesperjenzaw l-ogħla telf monetarju, li jammonta għal mijiet ta’ miljuni ta’ euro kull wieħed. F’termini ta’ impatt proporzjonali, ir-Rumanija, il-Litwanja u l-Ungerija jintlaqtu l-aktar, b’tagħmir tal-isport falsifikat li jammonta għal massimu ta’ 20% tal-bejgħ totali mitluf f’kull pajjiż.
Il-falsifikazzjoni għandha konsegwenzi ekonomiċi u soċjali serji. Minbarra t-telf ta’ dħul u ta’ impjiegi, kif evidenzjat minn studju reċenti ieħor tal-EUIPO dwar l-impatt ekonomiku tal-falsifikazzjoni fis-setturi tal-ilbies, tal-kożmetika u tal-ġugarelli fl-UE, il-kumpaniji jintlaqtu minn ħsara fir-reputazzjoni tad-ditta, minħabba kopji ta’ kwalità aktar baxxa, u l-ekonomiji Ewropej jaraw żieda fix-xettiċiżmu dwar is-solidità tal-investiment fl-innovazzjoni – theddida kbira għall-iżvilupp kontinwu ta’ ekonomija b’saħħitha.
Il-prodotti foloz joħolqu wkoll riskji serji għas-saħħa tal-konsumaturi u ma jikkonformawx mal-istandards Ewropej tas-saħħa, tas-sigurtà u tal-protezzjoni ambjentali. Kif indikat mill-istudju tal-EUIPO u tal-OECD dwar oġġetti perikolużi, it-tagħmir tal-isport falsifikat jista’ ma jiffunzjonax kif suppost f’mumenti kritiċi u jkun fih ukoll ingredjenti tossiċi jew perikolużi.
Il-ġlieda kontra l-piraterija ta’ avvenimenti diretti
Il-pirati ta’ avvenimenti diretti għandhom bosta metodi biex jimbuttaw kontenut mhux awtorizzat online, inklużi servizzi ta’ abbonament illegali u streaming tal-internet miftuħa xprunati minn dħul mir-reklamar. Dawn l-operaturi jużaw tekniki sofistikati biex jevitaw id-detezzjoni, u ta’ spiss jisfruttaw servizzi leġittimi ta’ distribuzzjoni tal-kontenut. Anki fil-każ ta’ avvenimenti mxandra fuq kanali bla ħlas, bħall-Olimpjadi jew ir-rawnds finali tal-kampjonati tal-UEFA, il-piraterija online tippersisti.
Madwar l-UE kollha, il-pajjiżi u l-partijiet affettwati qed jiġġieldu l-piraterija ta’ avvenimenti diretti billi jiddependu fuq regolamenti u teknoloġija biex jimblukkaw servizzi illeċiti online. Il-Kummissjoni Ewropea adottat żewġ rakkomandazzjonijiet: waħda dwar il-ġlieda kontra l-piraterija online tal-isport u avvenimenti diretti oħra, li stabbiliet network ta’ awtoritajiet amministrattivi nazzjonali ddedikati, u oħra għall-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni permezz ta’ aktar infurzar u sensibbilizzazzjoni li l-EUIPO jikkontribwixxi għalihom permezz ta’ sforzi ta’ disseminazzjoni, implimentazzjoni u monitoraġġ.
Barra minn hekk, l-isforzi għall-ġlieda kontra l-piraterija jinkludu sensibbilizzazzjoni sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jsibu kontenut diġitali leġittimu. L-Agorateka tal-EUIPO hija għodda li tgħin lit-telespettaturi jidentifikaw offerti legali għal kontenut online, inklużi avvenimenti sportivi.
Tneħħija ta’ oġġetti foloz fl-Ewropa
Permezz tal-Operazzjoni Fake Star – inizjattiva mmirata lejn oġġetti falsifikati li jiksru ditti magħrufa sew, l-awtoritajiet tal-pulizija madwar l-Ewropa identifikaw u ssekwestraw 8 miljun oġġett tal-isport u ta’ lussu falsifikat, aktar minn nofs l-14-il miljun oġġett iffalsifikat issekwestrat fl-2023. L-oġġetti tal-isport falsifikati kienu jinkludu tessuti, xedd is-saqajn, tikketti, oġġetti tal-ġilda u aċċessorji ta’ lbies foloz, inklużi xedd is-saqajn u lbies tal-isport, b’valur stmat tal-bejgħ bl-imnut ta’ €120 miljun. L-operazzjoni wasslet għall-arrest ta’ 264 persuna b’rabta mal-oġġetti falsifikati.
Matul l-operazzjoni, instabu 552,611-il oġġett ta’ xedd is-saqajn, 1,140,343 biċċa ta’ lbies tal-isport u 5,497,460 tikketta falza bil-logos. Is-sekwestri jikkonfermaw li ħafna mill-oġġetti foloz finali jitlestew fl-Ewropa, fejn il-logos kontrafatti jiġu applikati fuq prodotti mingħajr tikketta. Fl-esponiment taċ-ċrieki tal-kontrafazzjoni, l-operazzjoni kixfet ukoll reati serji oħra, bħal kriminalità organizzata, kuntrabandu, frodi u ħasil tal-flus.
L-operazzjoni Fake Star hija mmexxija minn Spanja (Policía Nacional) u b’mod konġunt mill-Greċja (Pulizija Ellenika), taħt il-koordinazzjoni tal-Europol, flimkien mal-parteċipazzjoni attiva ta’ aġenziji u awtoritajiet minn 18-il pajjiż.
//= $special ?>