Ċifri ppubblikati llum mill-NSO juru li l-għadd taʼ persuni li kienu jgħixu fʼfamilji bi dħul ekwivalizzat nazzjonali taħt il-limitu tar-riskju taʼ faqar (€11,364) kien taʼ 88,462. Bʼhekk, ir-rata taʼ riskju taʼ faqar kienet taʼ 16.6 fil-mija, li hija prattikament fl-istess ilma meta wieħed iqabbel mas-sena preċedenti.
Din l-istatistika hija bbażata fuq riċerka Ewropea, li tiffoka fuq l-2023.
In-numri huma aktar allarmanti meta wieħed jiġbor flimkien dawk li huma f’riskju ta’ faqar mal-persuni li qegħdin ukoll f’riskju ta’ esklużjoni soċjali. Hawn, l-ammont jaqbeż il-mitt elf persuna.
Fost dawn, hemm mal-21,000 tifel u tifla li jinsabu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali. Fost l-anzjani, dan l-ammont iqarreb it-30,000 persuna li qegħdin f’dan ix-xenarju diffikultuż – tant li mhux iwasslu sal-aħħar tax-xahar.
L-istess ċifri ppubblikati mill-NSO jindikaw li hemm 18,000 persuna taħt it-18-il sena li jinsabu f’riskju ta’ faqar minħabba dħul baxx fil-familja tagħhom.
Mill-istatistika jirriżulta wkoll li dawk li wieġbu li l-familja tagħhom ma kinitx taffordja ikla b’laħam, tiġieġ, jew ħut kull jumejn, u dawk li sabuha iebsa jiffaċċjaw spejjeż finanzjarji mhux mistennija, kellhom l-ogħla żidied fl-għadd tagħhom matul is-sena li għaddiet.
//= $special ?>